Il-bidu tal-istaġun tal-ħarifa jġib miegħu stennija għall-iskeda tal-istazzjonijiet ONE.
Iċ-Chairman ta’ dan l-istazzjon, Jason Micallef spjega ma’ ONE News dak li għandhom jistennew it-telespettaturi f’din l-iskeda.
Huwa stqarr: “Hija skeda li tolqot il-gosti ta’ kulħadd, mill-kultura sa edukazzjoni sa naturalment divertiment għall-familja kollha, programmi ta’ ġrajjiet kurrenti, programmi oħrajn leġġeri b’mod speċjali għaż-żgħażagħ, programmi kulturali u edukattivi. Drama naturalment tibqa’ b’saħħitha ħafna fuq ONE.”
Jason Micallef spjega kif din l-iskeda se tkun possibbli grazzi għal ħidma ma taqta’ xejn tul ix-xhur tas-sajf biex tingħata dehra ġdida lill-istazzjon: “Personalment nemmen li din hija fost l-akbar u l-aktar skedi b’saħħithom, minkejja l-isfida li kellna fl-aħħar sena u nofs, fost l-aktar skedi b’saħħithom fl-aħħar snin fuq ONE. Tajna dehra ġdida, kompletament, korporattiva lill-istazzjon ONE b’mod speċjali lill-programmi ta’ ġrajjiet kurrenti imma fuq quddiem nett, is-sett ta’ ONE News l-aħbarijiet.”
Fil-fatt, l-aħbarijiet ta’ ONE mistennija jieħdu xejra differenti, mhux biss għax se jitwasslu minn sett ġdid li se jkun inawgurat il-Ħadd, imma sar anki investiment fis-sit one.com.mt, li se tingħata dehra ġdida u struttura differenti.
Is-sit online se joffri xandir dirett tal-programmi kollha kif ukoll is-servizz tal-On-Demand.
Iċ-Chairman ta’ ONE semma wkoll l-irwol tal-istazzjon biex iwassal il-messaġġ tal-Partit Laburista.
Micallef tenna: “Aħna lesti u preparati biex inwasslu bl-aktar mod possibbli l-messaġġ politiku tal-Partit Laburista.”
Micallef radd ħajr lil dawk kollha li ħadmu u jaħdmu b’risq is-suċċess tal-istazzjonijiet ONE, inkluż is-segwaċi nfushom.