36 programm għall-iskeda tal-ħarifa li ġejja fuq ONE mit-Tnejn li ġej.
Skeda li għaliha dan l-istazzjon iħejji ruħu ferm għax tradizzjonalment din hija l-iktar skeda b’saħħitha u mħallta li jippreżenta dan l-istazzjon.
Fost il-programmi hemm tmienja ġodda fosthom ‘Min Imissu’ li t-tim tal-produzzjoni tiegħu, din id-darba għażel lil ONE biex ixandar spettaklu kkulurit li anki se jnissel tbissima bi ftit tseksik.
Programmi ġodda oħra marbuta mal-istorja u l-kutura hemm Ċippus u Moda l-Istorja.
Intant l-aktar drama popolari f’Malta ‘Division 7’ se terġa’ tirritorna bi storja aktar eċċitanti u interessanti aktar minn qatt qabel.
Drama oħra ġdida fuq ONE se tkun ‘Elf Metodu’.
Intant il-programmi ta’ ġrajjiet kurrenti fuq dan l-istazzjon ma jonqsux, ONE News jibqa’ jxandar il-bulletin ewlieni tiegħu fis-7:30 ta’ filgħaxija fejn skont l-aħħar stħarriġ l-aħbarijiet itella’ udjenza massima ta’ aktar minn 75,000 ruħ.
Ma jistax jonqos li ‘Pjazza’ ta’ Karl Stagno Navarra jerġa’ jkun fuq l-iskrins tat-televiżjoni b’suġġetti politiċi fost oħrajn.
‘ONE Breakfast’ se jirritorna filgħodu kmieni biex Wayne Sammut u Elaine Degiorgio iqajmu b’burdata tajba lit-telespettaturi b’suġġetti b’temi soċjali u oħrajn iktar leġġeri filwaqt li programm ieħor ġdid se jkun dak ta’ ‘Stat ta’ Fatt’ ippreżentat minn Paula Cauchi.
‘Paperscan’ ta’ Manuel Micallef fejn issir analiżi bir-reqqa u diskussjoni wiesgħa tal-gazzetti se jkompli fuq ONE.
Dan filwaqt li mhux se jonqsu l-programmi sportivi bħal L-‘Argument’ ta’ Clinton Buhagiar li stabbilixxa ruħu bħala programm sportiv b’saħħtu filwaqt li miegħu hemm ‘Kick-Off’ u ‘Żona Sport’.
‘Hazzard’ se jerġa’ jkun fuq ONE bħala reality show għall-iskeda tal-ħarifa u ‘Arani Issa’ se jerġa’ jniżżel xi demgħa bi stejjer umani.
Dan apparti li l-programmi magazine ‘Espresso’ u ‘Kalamita’ se jibqgħu ta’ kumpanija għat-telespettaturi tant għażież għal dan l-istazzjon.