Dawn l-aħħar erbat ijiem, proprju mit-tieni jum tas-sena l-ġdida, bdiet titħaddem sistema ġdida għall-immaniġġjar tal-ġbir u l-ġarr tal-iskart domestiku, l-istess għal Malta u Għawdex kollha.
Ma’ ONE News, id-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni, Ramon Deguara, semma kemm hu importanti li, issa, din is-sistema l-ġdida tindara mill-pubbliku malajr kemm jista jkun ħalli l-pajjiż jibqa jinżamm nadif.
“Importanti ħafna li nikkoperaw u li nżommu max-schedule u l-iskeda li kulħadd irċieva fid-dar tiegħu. Il-borża li suppost tinħareg illum tinġabar illum mill-kuntrattur. Sfortunatament, boroż oħrajn li jinħarġu illegalment ma jistgħux jinġabru mill-kuntrattur. Irridu nagħżlu jekk il-lokalitajiet tagħna jibqgħux nodfa jew inkella nibqgħu b’dak l-iskart depożitat sa meta jmiss li dik il-ġabra tinġabar.”
Fi żmien li ġej, il-pubbliku se jkompli jiġi infurmat dwar din is-sistema l-ġdida għall-immaniġġjar tal-ġbir tal-iskart residenzjali għall-pajjiż kollu. Mal-mikrofonu ta’ One News, is-Sur Deguara semma li bħalissa għaddej ukoll pjan alternattiv, sakemm tindara l-iskeda l-ġdida.
Il-pjan alternattiv qiegħed hemm. Mhux se jtul ħafna u hemm pjan li fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin anki jkun hemm mezz ta’ infurzar għal min ikompli jabbuża u joħroġ l-iskart illegali. Il-pjan alternattiv qed isir madwar il-pajjiż kollu. Hemm ħaddiema ta’ din id-Diviżjoni li qed ikopru l-irħula kollha. Pjan li nżommu pajjiżna nadif fl-interess ta’ kulħadd u l-kooperazzjoni tal-pubbliku hija importanti sabiex pajjiżna jinzamm nadif.”
Tkellimna wkoll mal-Ministru responsabbli mill-Gvern Lokali, Owen Bonnici, li tkellem dwar kif din is-sistema l-ġdida hija opportunità biex kulħadd jagħti sehmu għal ambjent aħjar.