Fuq ix-xandir nazzjonali, l-akkademiku u li jippreżenta programmi fuq in-NET, George Vital Zammit ukoll qal li skanta bil-pożizzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni dwar l-użu responsabbli tal-kannabis.
Vital Zammit qal li l-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista l-Ġimgħa kienet ħarxa u għalhekk staqsa x’iddiskutiet eżatt l-Oppożizzjoni qabel ħarġet b’pożizzjoni li fuqha l-Kap kellu jdur mar-riħ minħabba l-inkwiet li qamlu fil-Grupp Parlamentari.
Qal, “Fil-każ tal-kannabis skantani ftit iktar, għaliex anke meta jien staqsejt lill-Kap tal-Oppożizzjoni kien qalli li l-pożizzjoni ħa titla’ fil-Parlament, hemm diskussjoni għaddejja. Imbagħad meta rajt l-istatment li ħareġ ħassejt jien li ma rriflettiex affarijiet li jien ħsibthom li huma aċċetati, pereżempju li bniedem ma jkunx kriminalizzat. L-istatement tal-Partit ħassejtu li kien naqra iebes wisq, allura l-mistoqsija tiegħi kienet id-diskussjoni li saret f’dawn l-aħħar xhur eżattament kif kienet.”
Fi programm ma’ George Vital Zammit, Bernard Grech kien qal hekk, sa inqas minn xahar ilu.
Spjega, “U allura tagħna raġun, li dak li aħna qed ngħidu, li rriu nibqgħu nistennew u niddiskutu fil-Parlament imbagħad se nkunu qegħdin nuru x’irridu għal dan il-pajjiż f’dan ir-rigward.”
Dan qalu anki jekk fil-fatt il-pożizzjoni tal-partit fuq il-kannabis ma qaliex fil-Parlament imma ħareġ iqatta’ biċċiet il-liġi l-ġimgħa l-oħra wara li kien qal li l-Gvern ikkupjah.