Aktar żviluppi b’rabta mal-iskandlu Qatargate deskritt bħala riżultat tal-kultura ta’ impunità fil-Parlament Ewropew.
Il-midja Taljana u s-sit awtorevoli Politico żvelaw messaġġi bejn il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola u l-Viċi President Eva Kaili, li kienet ġiet arrestata fuq allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni, tixħim u ħasil ta’ flus mill-Qatar.
Fil-messaġġi jingħad li Kaili kellha kunfidenza sew ma’ Metsola tant li stednitha bil-familja biex ikollha biljetti għal-logħob tat-Tazza tad-Dinja li saru fil-Qatar bħal daż-żmien sena.
Skont kelliem għal Metsola, il-President tal-Parlament Ewropew u d-Deputat tal-Partit Nazzjonalista ma ratx il-messaġġi mibgħuta lilha u minn investigazzjonijiet li saru, Kaili ħassret il-messaġġi mibgħuta fuq whatsapp.
Jeżistu wkoll chats ma’ Alessandro Chiocchetti, iċ-Chief of Staff ta’ Metsola, li l-ħatra tiegħu bħala Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew ukoll qamu mistoqsijiet kbar minħabba l-ħatra xejn trasparenti tiegħu.
Chiocchetti wkoll rċieva stedina li għandu biljetti tal-logħob tat-Tazza tad-Dinja għalih bħal Metsola fejn hu wieġeb li ma jistax imur imma fl-istess ħin kien grat li rċieva l-istedina li minn kliemu jidher li kien dispjaċut li tilifhom, tant li qal, “Nirringrazzjak minn qiegħ qalbi.”
Hu magħruf li ċ-Chief of Staff ta’ Metsola kellu minn tal-inqas żewġ laqgħat mal-Awtoritajiet tal-Qatar qabel ġie żvelat l-iskandlu Qatargate.
Dwar il-Qatargate, l-avukat tal-eks Viċi President Kaili, li kienet meqjusa bħala l-id il-leminija ta’ Metsola, kien qal li l-klijenta tiegħu kienet qed timplimenta pjan u tingħata l-ordnijiet minn Metsola.
Dan wara allegazzjonijiet fosthom ta’ tixħim biex jitneħħa l-obbligu ta’ viża mill-Qatar għal pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
Bidla li kienet diġà għaddiet minn stadju ta’ Kumitat fi ħdan il-Parlament Ewropew immexxi minn Roberta Metsola.