Il-Parlament Ewropew qed jiffaċċja skandlu ġdid. Waqt li għadu għaddej u qed jiġi investigat l-iskandlu mlaqqam Qatargate, b’indħil fil-politika Ewropea mill-Qatar li seħħ taħt imnieħer il-President tiegħu Roberta Metsola, fl-aħħar jiem feġġ Moscagate, fejn allegatament ir-Russja qed tinterferixxi b’kampanja ta’ influwenza fuq deputati tal-Parlament Ewropew, bi ftit aktar minn xahrejn qabel iseħħu l-elezzjonijiet fis-27 stat membru.
Uffiċjali għoljin fi Brussell wissew li r-Russja qed tiffinanzja lil membri tal-Parlament Ewropew biex jinterferixxu fl-elezzjonijiet li ġejjin u li se jsiru bejn is-6 u d-9 ta’ Ġunju.
Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Věra Jourová, li sejħet l-allegazzjonijiet bħala inkwetanti ħafna, qalet li “dan jikkonferma dak li konna qed nissuspettaw – li l-Kremlin qed juża sorsi dubjużi li jippretendu li jkunu midja u jużaw fondi biex jinfluwenzaw”.
Il-Parlament Ewropew, immexxi mill-Ewroparlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola qed jiġi akkużat li ppermetta lil dawn l-hekk ġurnalisti jinfiltraw fl-istituzzjoni u joperaw b’impunità.
L-iskandlu feġġ meta l-Gvern tar-Repubblika Ċeka ssanzjona sit tal-aħbarijiet imsejjaħ Voice of Europe, li skontu hu parti minn operazzjoni ta’ influwenza favur ir-Russja.
Il-Prim Ministru Belġjan Alexander De Croo qal li r-Russja avviċinat deputati tal-Parlament Ewropew u ħallsithom biex jippromwovu propaganda Russa.
Dawn l-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni ta’ Parlamentari u ndħil barrani fl-affarijiet interni tal-Unjoni Ewropea jsegwu dawk li feġġew inqas minn sentejn ilu tal-Qatargate, fejn Metsola wkoll issemmiet diversi drabi meta l-akkużata ewlenija, il-Griega Eva Kaili, eks Viċi President ta’ Metsola, instabet bi kwantitajiet ta’ flus kontanti fl-appartament tagħha.
Dwar żjarat kontroversjali li kienet għamlet fil-Qatar, Kaili dejjem qalet li kienet iggwidata minn qabel minn Metsola nnifisha.
L-akkużi li xi MEPs tħallsu biex jitkellmu għall-Kremlin qajmu mistoqsijiet serji dwar min seta’ ħa tali finanzjament.
Kelliem għal Metsola qal mas-sit awtorevoli Politico li l-President hi “konxja tal-allegazzjonijiet li qed isiru”.
Minkejja dan, mill-istess Grupp tal-Partiti Popolari Ewropej, l-EPP, li Metsola u anke l-Partit Nazzjonalista jagħmlu parti minnu, waslu wkoll akkużi kif il-Parlament Ewropew ippermetta li Voice of Europe jkollu aċċess għall-istituzzjoni.
Id-Deputat Taljan tal-EPP, Matteo Gazzini, li għandu s-swaba’ ppontati lejh wara li ta intervista lill-istess Voice of Europe u ħa sehem f’dibattitu flimkien ma’ MEPs oħrajn, ċaħad li ġie offrut jew aċċetta xi flus.
Minflok, qal li “jekk tal-Voice of Europe huma tassew ta’ theddida kbira, għaliex il-Parlament Ewropew ħalla lil dawn il-ġurnalisti jidħlu fi ħdanu? Għalxiex ma ċċekkjawhomx?”.
Il-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi ngħaqad m’oħrajn għal dibattitu urġenti dwar is-suġġett.