Bejn is-Sibt 18 u s-Sibt 25 t’Awwissu, qed jiġi organizzat skambju ġewwa ż-ŻAK House, Birkirkara bl-isem ta’ Dare to Dream. Dan il-proġett, iffinanzjat mill-programm tal-Erasmus+ tal-Unjoni Ewropeja, qed jipparteċipaw fih 36 żagħżugħ u żagħżugħa mill-gruppi tal-Azzjoni Kattolika Maltija, Taljana u Rumena. It-tema ta’ dan il-proġett hija l-liberta`.
Iż-żgħażagħ qed jesplorew din it-tema permezz ta’ diskussjonijiet u attivitajiet diversi. Flimkien qed jesperjenzaw sitwazzjonijiet fejn ma nkunux liberi, kif ukoll qed jiskopru l-mezz kif nistgħu ngħixu l-vera liberta`.
Dawn l-esperjenzi sbieħ iservu ta’ opportunita` għal ħafna żgħażagħ. Permezz ta’ din l-esperjenza jistgħu jiffurmaw diversi ħbiberiji ġodda u jkomplu jqawwu l-motivazzjoni tagħhom biex ikomplu jkunu ta’ servizz għal żgħażagħ oħra. Matul din il-ġimgħa se jkollhom diversi mumenti fejn jitgħallmu dwar l-istorja u s-sitwazzjonijiet tal-pajjiżi tagħhom kif ukoll jiċċelebraw aspetti differenti mill-kultura Maltija, fosthom il-festa ta’ Santa Liena f’Birkirkara stess.