B’investiment ta’ €700,000 beda x-xogħol fuq it-tiswija u l-bini mill-ġdid ta’ għaxar skali jew kif magħrufa slipways li jintużaw mis-sajjieda fil-Port ta’ Marsaxlokk.
Il-proġett li hu ko-finanzjat minn fondi tal-Unjoni Ewropea qed isir f’fażijiet differenti u mistenni jkun lest sas-sajf li ġej hekk kif talbu s-sajjieda Xlukkajri.
Il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg qal ma’ ONE News li dan il-proġett se jikkontribwixxi fl-ekonomija Maltija u s-sajjieda kienu ilhom is-snin għatxana għalih.
“Fuq infrastruttura m’aħniex inħarsu lejn it-toroq, imma anke l-infrastruttura maritima, ukoll tikkontribwixxi għal diversi niċeċ fis-soċjetà tagħna bħalma huma s-sajjieda, qabel kollox l-ekonomija tal-pajjiż. Kien ilha tinħass il-ħtieġa li s-sajjieda f’Marsaxlokk għandhom bżonn li jkollhom infrastruttura aħjar”.
Minħabba l-qilla tal-baħar, ħamsa mill-iskali jeħtieġ li jsirulhom tiswijiet kbar waqt li tnejn minnhom se jinbnew kompletament mill-ġdid.
Waqt żjara li għamilna f’Marsaxlokk, stajna nosservaw ukoll li tlieta mill-iskali lanqas jistgħu jintużaw minħabba li għandhom rampi għoljin aktar minn wiċċ l-ilma u għalhekk se jitbaxxew waqt li jinbnew mill-ġdid.
“Bla dubju ta’ xejn l-infastruttura se tkun qiegħda tgħin ħalli huma jaħdmu aktar komdi. Jaħdmu aktar komdi, sabiex iniżżlu u jtelgħu l-basitimenti tagħhom, is-sajda li jkunu qabdu għaliex sfortunatament matul is-snin kellek telqa assoluta u tpoġġew sfidi ġodda fuq il-ħidma tagħhom”.
Ix-xogħlijiet jinkludu wkoll it-tindif ta’ elementi li trabbew matul iż-żmien. Wara jibda x-xogħol bit-tisħiħ tal-istrutturi tal-konkos b’mod li jitneħħa kull periklu għas-sajjieda u kull min jagħmel użu minnhom.
“Qed naraw li jkunu lesti sal-mument meta dawn l-iktar li jintużaw matul is-sena jiġifieri fix-xhur tas-sajf. Allura nħares ‘il quddiem biex fil-ġimgħat li ġejjien u x-xhur li ġejjien jiżdied ir-ritmu u nkunu nistgħu nibdew nibbenefikaw minn din l-infrastruttura fil-Port ta’ Marsaxlokk”.
Bħalissa x-xogħol jinsab għaddej fuq tliet skali bil-ħsieb li l-ħidma tas-sajjieda tibqa’ għaddejja bla waqfien. Ix-xogħol jinkludi wkoll it-twessigħ ta’ wieħed mill-iskali biex jilqa’ bastimenti akbar.
Barra dan l-proġett f’Marsaxlokk se jsiru xogħolijiet biex jitjiebu l-faċilitajiet għas-servizzi tal-merkanzija u għall-vapuri li jġorru l-passiġġieri. Filwaqt li se ssir ħidma fuq il-breakwater tal-Qrejten u titjib u faċilitajiet fil-port tal-Imġarr f’Għawdex.