Il-Partit Nazzjonalista irid jiddeċiedi t-triq ‘il quddiem. Dan jisħqu l-editorjal tal-ġurnal The Times of Malta fil-jum tat-Tlieta, fejn saħaq li l-kumitat eżekuttiv tal-istess Partit m’għandux jitlef iktar ħin sabiex jiddiskuti, u iktar minn hekk, jiddeċiedi fuq it-triq ‘il quddiem.
Dan fid-dawl tal-allegazzjonijiet serji li sar b’rabta mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia u l-istraġi li jinsab fiha. L-editorjal itenni li Delia għandu jirriżenja jew jissospendi lilu nnifsu mill-attivitajiet kollha tal-Partit sakemm is-sitwazzjoni ssir iktar ċara. Sitwazzjoni li żviluppat minħabba diversi allegazzjonijiet u l-fatt li jinsab investigat b’rabta ma’ każ ta’ ħasil ta’ flus li ġejjin mill-prostituzzjoni.
Delia ċaħad l-akkużi, filwaqt li baqa’ jipponta s-swaba’, anke lejn il-midja indipendenti li dejjem kienet ta’ appoġġ għall-Partit Nazzjonalista. L-editorjal qal li ma jagħmilx sens kif kien biss Mark Anthony Sammut, il-President tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista, li ammetta pubblikament li jinsab imħasseb b’dak li għaddej fil-Partit Nazzjonalista. Żied jingħad li Sammut huwa l-unika persuna li qed isemmi t-tħassib u l-biżgħat tal-partitarji ġenwini Nazzjonalisti, li qed isibuha diffiċli jidentifikaw lilhom infushom mal-Partit Nazzjonalista.
L-editorjal isostni li r-responsabilità politika u t-trasparenza tapplika għall-membri tal-Oppożizzjoni wkoll, filwaqt li ma jistax ikun li l-Kap tal-Oppożizzjoni jkun trattat differenti minn nies fil-Gvern. It-Times of Malta qalet li jekk il-Partit jibqa’ għaddej kif inhu jista jasal għal qasma jew qerda tiegħu innifsu u ħeġġet lil Delia biex jissospedni lilu nnifsu. L-editorjal ta’ The Malta Independent ukoll jiffoka fuq is-sitwazzjoni fil-Partit Nazzjonalista, li ġiet deskritta bħala waħda li ddeġenerat b’mod li ftit li xejn hemm tama li l-partit jingħaqad wara Delia.
Intqal li dak li seħħ dan l-aħħar ra lill-istess Partit jinżel f’livelli baxxi li qatt ma kienu esperjenzati qabel. L-editorjal jgħid li hemm ħafna forzi ċari li jridu jeqirdu lill-Kap Nazzjonalista u jwarrbuh min-nofs. Qal li Delia kien qed jimpenja ruħu biex jipprova jgħaqqad il-partit, iżda jidher li issa anke hu qed jitlef il-paċenzja. Xi ħaġa li kienet evidenti għall-aħħar fl-intervista li għamel fil-jum tal-Ħadd.
L-editorjal isostni li s-sitwazzjoni fil-Partit Nazzjonalista tinsab bla kontroll, u l-partit qed jagħmel ħsara lilu nnifsu kull jum u kull siegħa li tgħaddi. L-editorjal wissa li ż-żmien huwa kontra l-Partit Nazzjonalista, u li s-sitwazzjoni mhux se tissolva jekk kollox jibqa għaddej qisu xejn m’hu xejn.