Rapporti fil-midja Sirjana qalu li ajruplani tal-gwerra Iżraeljani wettqu għexieren ta’ attakki madwar il-pajjiż, inkluż fil-kapitali Damasku.
L-Osservatorju Sirjan għad-drittijiet tal-Bniedem (SOHR) ibbażat fir-Renju Unit qal li kien hemm aktar minn 100 attakk fuq miri militari.
Skont rapporti tal-midja lokali, ċentru ta’ riċerka b’rabtiet suspettati mal-produzzjoni ta’ armi kimiċi kien fost is-siti milquta.
Iżrael qal li qed jaġixxi biex iwaqqaf l-armi milli jaqgħu f’idejn l-estremisti wara t-twaqqigħ tar-reġim ta’ Assad.
Sadanittant koordinatur residenti tal-Ġnus Magħquda qal li s-settur pubbliku huwa wieqaf għal kollox fejn anke titjira ta’ għajnuna umanitarja li kellha fuqha provisti mediċi meħtieġa b’mod urġenti kienet twaqqfet wara li ħaddiema tal-avjazzjoni abbandunaw l-impjieg tagħhom.
Il-Prim Ministru tas-Sirja lbieraħ qal li l-biċċa l-kbira tal-Ministri tal-kabinett reġgħu lura għax-xogħol wara li r-ribelli kienu waqqgħu lill-President Bashar Assad.
Ir-ribelli Sirjani ħabbru li Ahmad al-Shaara, il-mexxej tal-HTS, iltaqa’ f’Damasku nhar it-Tnejn mal-Prim Ministru uxxenti Mohammed al-Jalai li kien qiegħed jippresidi l-gvern ta’ Assad.
Skont il-koalizzjoni tar-ribelli, it-taħdidiet iffokaw fuq it-tranżizzjoni politika fil-pajjiż.
L-alleanza tar-ribelli hija mmexxija minn al-Golani, militant anzjan li kien serva ma’ Al Qaida iżda li qata’ rabtiet mal-grupp estremista snin ilu u qed iwiegħed gvern rappreżentattiv u tolleranza reliġjuża.