Tkompli s-saga għal mija sebgħa u sebgħin immigrant abbord il-vapur tal-Gwardja tal-Kosta Taljan Diciotti bil-Gvern Malti jkompli jinsisti li l-immigranti m’għandhomx jiżbarkaw f’Malta.
S’issa ma kien hemm l-ebda żblokk waqt li l-vapur għadu fl-ibħra Taljani jistenna deċiżjoni mill-awtoritajiet Taljani dwar fejn għandha tiżbarka l-immigranti li ġew salvati l-Ħamis li għadda mill-Gwardji tal-Kosta Taljani fiż-żona Maltija ta’ tiftix u salvataġġ.
Il-Gvern Malti sostna li l-immigranti rrifjutaw l-għajnuna tal-Forzi Armati u baqgħu jinsistu li jbaħħru lejn il-gżira ta’ Lampedusa.
Żied jgħid li l-immigranti rrifjutaw l-għajnuna tal-Forzi Armati u tgħabbew mill-vapur Taljan li jagħmel parti minn operazzjoni tal-unjoni ewropea.
Dwar dan il-każ, il-Prim Ministru Joseph Muscat stqarr li Malta ma aċċettatx li dawn l-immigranti jinġiebu f’Malta la darba tgħabbew fuq vapur militari Taljan. Qal li t-Taljani huma legalment responsobbli tal-każ u spjega li l-interċetazzjoni seħħet ħafna eqreb ta’ Lampedusa u għalhekk kienet deċiżjoni tal-Italja ddaħħalhomx Lampedusa jew port ieħor fl-Italja.
Intant id-delegat tal-Gwardji tal-Kosta Taljani Antonello Ciavarelli qal li s-sitwazzjoni fuq il-vapur navali Taljan Diciotti hija waħda imbarazzanti. B’ironija stqarr li l-vapur tal-forzi militari tagħhom li huwa tal-istat Taljan mhux jitħalla jittrakka f’port Taljan. Dan wara li ilu għal dawn l-aħħar ħamest ijiem quddiem il-gżira ta’ Lampedusa b’177 immigrant.
Qal li l-Armata Taljana qiegħda tobdi l-istruzzjonjiet tal-Gvern Taljan, iżda sostna li jistennew politika li hija aktar riżoluta fid-deċiżjonijiet li tieħu. Qal li anke jekk għalissa l-immigranti abbord jinsabu trankwilli, f’każ li jasal għal widnejhom li hemm ħsieb li jittieħdu lura lejn il-Libja, jaf ikunu lesti għalkollox, inkluż is-suwiċidju.
Sadanitant intervistat fuq Rai Tre, il-Ministru għall-Intern Taljan Matteo Salvini qal li d-Diciotti tista’ tiżbarka fl-Italja bil-patt li l-177 immigrant abbord jinqasmu bejn il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
Min-naħa tiegħu, il-Minsitru għall-Intern Michael Farrugia qal li l-pożizzjoni ta’ Malta hija ċara u r-responsabbiltà hija kollha tat-Taljani.