ParaVolley Malta, flimkien mal-Birkirkara Volleyball Club u d-Dar tal-Providenza, se jorganizzaw attività ta’ sitting volleyball fl-istess waqt li tkun għaddejja tal-Maratona tal-Volleyball ta’ din is-sena fid-Dar fis-Siġġiewi, bejn il-Ġimgħa 30 ta’ Ġunju u l-Ħadd 2 ta’ Lulju 2023.
Sitting volleyball huwa dixxiplina tal-isport li fih l-atleti jilagħbu f’pożizzjoni bilqiegħda. Il-logħba tutilizza l-istess ħiliet u teknika tal-volleyball bil-wieqfa, bi ftit differenzi ewlenin. Per eżempju, il-plejers jużaw kemm dirgħajhom kif ukoll riġlejhom biex jiċċaqilqu.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Ġenerali ta’ ParaVolley Malta Nello Calleja spjega li atleti Sloveni ġew mistiedna jiġu Malta. Dawn l-atleti, nisa u rġiel uħud minnhom b’diżabilità, se jilagħbu kemm bejniethom kif ukoll kontra timijiet lokali.
Players tal-volleyball kif ukoll membri tal-pubbliku huma mistiedna jieħdu sehem f’dawn il-logħbiet tas-sitting volleyball li se jsiru filgħaxijiet tul it-tlett ijiem tal-Maratona tal-Volleyball bejn it-tmienja ta’ filgħaxija u nofsillejl.
“Sitting volleyball jagħti opportunità lil kulħadd li jilgħab l-istess sport b’mod l-aktar inklussiv għax mill-mument li l-atleti jpoġġu bilqiegħda fl-art biex jilgħabu, jsiru kollha ndaqs.”
Nello Calleja
Il-Ministru għall-Inklużjoni, Organizzazzjonijiet Volontarji u Drittijiet tal-Konsumatur, Julia Farrugia Portelli qalet li kienet impressjonata bl-entużjażmu muri mill-atleti sew Maltin kif ukoll Sloveni li se jieħdu sehem, u esprimiet it-tama tagħha li l-Maratona tal-Volleyball ta’ tmiem il-ġimgħa tikseb l-aħjar riżultati kemm fil-logħob kif ukoll fid-donazzjonijiet tal-pubbliku. Hija wiegħdet l-appoġġ tagħha għall-organizzazzjoni ta’ tournament internazzjonali tas-sitting volley f’Malta kif kienet ix-xewqa espressa minn Nello Calleja.
Ir-ritratt ewlieni juri eżempju ta’ sitting volleyball, bit-tim tan-nisa li rrappreżentaw lir-Renju Unit fil-Logħob Paralimpiku ta’ Rio fl-2016.