Is-26 ta’ Lulju 1962. Sittin sena ilu ħalla din id-dinja l-ewwel qaddis Malti, San Ġorġ Preca.
Il-legat ta’ San Ġorġ Preca għadu ħaj sal-lum il-ġurnata permezz tas-soċjetà tal-MUSEUM, li huwa beda f’pajjiżna u li mbagħad infixet lil hinn minn xtutna.
Il-membru tas-Soċjetà tal-MUSEUM, Johann Tabone, isemmi l-importanza li għandu t-tagħlim fil-ħidma tal-MUSEUM.
“Bla dubju ta’ xejn. l-aktar li jidher fis-soċjetà tal-MUSEUM, li ħalla San Ġorġ Preca stess, fil-ħidma tagħha ta’ kuljum, sew Malta u sew anki barra minn Malta, b’mod speċjali t-tagħlim. Għal San Ġorġ Preca kienet qawwija ħafna għalih li jipprova jwassal lil Ġesù, ħa ngħidu hekk, lil kulħadd: kemm liż-żgħar u kif ukoll lill-kbar.”
San Ġorġ Preca miet fl-età ta’ tnejn u tmenin sena u, fl-aħħar ta’ ħajtu, ħalla s-soċjetà tal-MUSEUM fi jdejn Eugenio Borg, l-ewwel Superjur Ġenerali tas-soċjetà.
Fl-aħħar ta’ ħajtu, San Ġorġ Preca bierek lis-soċjetà tal-MUSEUM.
“Proprju fl-aħħar sigħat, Dun Ġorġ ried li proprju dan Ġeġé jkun ħdejh. Bierku, bierek ukoll lis-soċjetà Mużewmina. L-istorja tgħidilna wkoll li Dun Ġorġ, tant kemm kellu din l-imħabba lejn Ġesù, li fl-aħħar ħinijiet ta’ ħajtu, ħa ngħidu hekk meta jkun f’sensih, jaqra propju l-Iskruttura. Jiġifieri dawn kienu l-aħħar mumenti tiegħu, imdawwar ma’ Ġesù kif ukoll il-membri tas-Soċjetà tal-MUSEUM.”
Sittin sena wara l-mewt tal-ewwel qaddis Malti, il-legat tal-fundatur tal-MUSEUM għadu b’saħħtu, bis-soċjetà taħdem mhux f’Malta iżda wkoll madwar id-dinja, fl-Awstralja, fl-Albanija, fir-Renju Unit, il-Polonja, il-Peru, u Kuba.
Is-soċjetà qed tkompli taħdem biex tifrex ħidmietha f’aktar pajjiżi.