Forsi qed tilmenta mix-xitwa u titlob il-mument li jasal is-sajf; festi, barbeques, izjed safar u ljieli ta’ rilassament…imma taqtax qalbek, baqa’ 16-il ġimgħa. Jidhru ħafna imma fil-verità m’humhiex il-bogħod. Titwal il-ġurnata, u l-ħajja bħal donnu tieħu xejra ohra. Kull żmien fih tiegħu.
Hemm min dan iż-żmien ma jifilħux minħabba s-sħana qawwija li saret tagħmel f’pajjiżna. Imma kif jgħid il-Malti, kulħadd gostieh.
Ix-xhur sħan jiftħu l-istaġun tal-festi b’serje ta’ avvenimenti li jibdew fl-aħħar ta’ Mejju u jibqgħu sejrin bla waqfien sa Settembru. Matul dan il-perjodu tas-sena, qajla jasal tmiem il-ġimgħa u ma jkunx hemm xi raħal li jkun qiegħed jiċċelebra l-festa tal-qaddis patrun tiegħu. L-ebda pajjiż ma jkollu is-sema kkulurit daqs l-irħula Maltin u Għawdxin.