Sitta u sittin sena ilu, il-ħaddiema Maltin ħarġu jipprotestaw kontra l-ħakma tal-barrani f’pajjiżna.
Fit-tmienja u għoxrin t’April tal-elf disa’ mija tmienja u ħamsin, il-General Workers’ Union iddikjarat strajk ġenerali wara s-sensji lill-ħaddiema Maltin mill-Gvern Kolonjali Ingliż.
Qabel dawn l-irvellijiet, fl-aħħar ta’ Diċembru tal-elf disa’ mija sebgħa u ħamsin, mill-Parlament Malti għaddiet ir-riżoluzzjoni ‘Break with Britain’.
B’din ir-riżoluzzjoni, il-Gvern Malti ta’ dakinhar immexxi mill-Prim Ministru Dom Mintoff ried li jinħall darba għal dejjem mid-dipendenza Ingliża. Dan wara li fallew in-negozjati bejn iż-żewġ Gvernijiet dwar l-integration, li dwaru għadda referendum fl-1955.
Wara dan il-perjodu, l-Ingliżi bdew jagħtu s-sensji lill-ħaddiema fit-tarzna, fl-hekk imsejjaħ ‘rundown’ u hekk żġur il-Maltin ma kinux se jgawdu mill-istess drittijiet li kellhom l-Ingliżi.
Jumejn qabel seħħ dan l-istrajk ġenerali, il-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Dom Mintoff irrizenja biex jipprotesta kontra l-Gvern Ingliż.
Dan wassal biex ġie msejjaħ strike ġenerali għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin, bin-nies kienu msejħa li jitilgħu lejn il-Belt Valletta.
Ħaddiema mill-Kottonera u min-naħa tal-Port bdew telgħin lejn il-Belt, iżda twaqqfu mill-Pulizija u marru lejn Kordin u Bormla.
Kien qam l-inkwiet f’Raħal Ġdid u fil-Marsa, bl-agħar episodju jseħħ fit-telgħa ta’ Kordin.
L-Ingliżi arrestaw 99 persuna, b’ħafna minnhom weħlu sentenza ta’ ħabs fosthom l-eks Ministri Laburista Patrick Holland, Berty Hyzler u Agatha Barbara.
Illum dawn u s-suldati l-oħra tal-azzar, ma jintesewx.