Sitt persuni wieġbu mhux ħatja għal inċident li wassal biex ħaddiem imut fl-inċineratur sentejn ilu.
Is-sitt persuni huma l-Kap Eżekuttiv tal-Wasteserv, Richard Bilocca, il-Maniġer tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, Stefan Salamone, l-Inġinier Ryan Mark Cachia, il-Maniġer tal-faċilità, Ryan Cauchi u l-ħaddiema Silvan Borg u Aylin Fleri.
Huma qed jiġu akkużati li, bi traskuraġni, ikkawżaw il-mewt ta’ Joseph Ellul ta’ 38 sena minn Marsaxlokk wara li ġarrab ġrieħi serji ma’ makkinarju perikoluż.
Quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella, li qed tisma’ dan il-każ, id-Difiża ressqet rikors li fih oġġezzjonat għal wieħed mill-esperti, li kien tqabbad għall-inkjesta maġisterjali li saret wara l-mewt ta’ Ellul.
Il-każ mistenni jkompli fit-3 ta’ Ottubru.
Sadanittant, wara li l-Partit Nazzjonalista qal li l-pożizzjoni tal-Kap Eżekuttiv m’għadhiex tenibbli, stqarrija mill-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir qalet kif hu tal-mistħija li l-Oppożizzjoni qed tipprova tippolitiċizza inċident li seħħ fuq post tax-xogħol. Tenna li hu l-proċess fil-Qorti li jrid jistabbilixxi l-ġustizzja u l-ebda forum ieħor m’għandu jippreġudikah.