Ilbieraħ filgħaxija sitt żgħażagħ kien involuti f’inċident tat-traffiku li kawża tiegħu sofrew minn ġrieħi.
Il-każ seħħ għall-ħabta ta’ nofsillejl neqsin kwart f’Ta’ Qali.
Il-pulizija marret fuq il-post u minn stħarriġ preliminari rriżulta li Toyota Tercel misjuqa minn żagħżugħ ta’ tmintax –il sena mis-Siġġiewi ħabtet ma’ arblu.
Fil-karozza mas-sewwieq kien hemm ukoll żewġ ġuvintur ta’ tmintax –il sena minn Ħaż-Żebbuġ u Ħal Qormi u tfajla ta’ tmintax –il sena minn Ħal Għaxaq flimkien ma’ żewġ tfajliet ta’ sittax –il sena mis-Siġġiewi.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku u membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili sabiex jagħtu l-ewwel għajnuna.
Diversi ambulanzi ħadu liż-żgħażagħ l-isptar Mater Dei sabiex jingħataw il-kura meħtieġa.
Aktar tard, waħda mit-tfajliet ta’ 16-il sena u t-tfajla ta’ 18-il sena kienu ċċertifikati li qed isofru ġrieħi ħfief filwaqt li l-kumplament taż-żagħżagħ qed isofru minn ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet mill-Pulizija għadhom għaddejjin.