Il-Helpline 138, liema servizz fis-6 xhur li għaddew baqa’ jitjieb u jżid fl-effiċjenza, ra aktar minn 17,000 telefonata, b’medja ta’ 94 telefonata kuljum, fejn anke fl-aħħar jiem il-helpline 138, kompla jgħaqqad liċ-ċittadini flimkien mal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, l-BCA, u dik għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, l-OHSA.
Il-Head of Operations ta’ Servizz.gov, is-Sur Andre Arciola, tkellem dwar l-impenn li l-aġenti li jirċievu t-telefonati jkomplu jitħarrġu u dan ibbażat fuq il-preokkupazzjonijiet tan-nies. Fl-istess waqt, qal li żdiedu l-istess aġenti u b’hekk żdiedet l-effiċjenza, b’ċifri juru li r-rispons naqas għal ftit sekondi biss ta’ stennija biex dak li jkun jiġi mitkellem.
Klijenti li sabu l-għajnuna fuq din il-helpline semmew kienu mgħejjuna wara inċidenti li kellhom meta anke kien hemm kostruzzjoni għaddejja mar-residenzi tagħhom, fejn fuq esperjenza tagħhom semmew kif wara li anke saru jafu bil-138 mill-kampanja ta’ riklamar, l-aġenti ddiriġewhom bl-aħjar mod u ngħataw assistenza professjonali mingħajr ħlas. Semmew kif anke fejn kien hemm bżonn, professjonisti bħal periti żaru il-post u ggwidawhom fuq dak li jista’ jkun kkomunikat mal-kuntratturi, b’kompromess jintlaħaq bla ebda problema. Issemmew kawżi wkoll varji li anke jinkludu kumpaniji fejn kkuntatjaw l-Awtorità biex jiksbu aktar informazzjoni dwar aġġornamenti ta’ avviżi legali, fost oħrajn fejn jidħlu dawk li huma confined spaces.
Dwar dan, il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni, Jonathan Attard, faħħar limpenn tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol u Servizz.gov, fejn semma kif dan is-servizz kien kruċjali biex jagħtu vuċi liċ-ċittadini affetwati mill-kostruzzjoni u s-sigurtà lill-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol.
Qal ukoll kif dan kollu huwa nkoraġanti, fejn tara l-impenn tal-Awtoritajiet li jkomplu jtejbu s-servizz abbażi tal-esperjenza li qed jieħdu ċ-ċittadini, fejn dan jkompli b’għoti ta’ servizz b’assistenza addizzjonali, fosthom bis-servizz professjonali ta’ Avukati u Periti li jassistu lil dawk affettwati mill-kostruzzjoni.