Alfred Attard ta’ 48 sena minn San Pawl il-Baħar ingħata sentenza ta’ sitt xhur ħabs wara li nstab ħati li fl-2017 għamilha ta’ investigatur privat mingħajr ma kellu liċenzja f’isem l-eks kittieb tat-Times u ġurnalist tax-Shift News, Victor Paul Borg.Attard kien akkużat ukoll li ffastidja lill-eks mara ta’ Borg u kif ukoll l-Avukat Kevin Mompalao u l-familja tiegħu.
Fil-Qorti nstema’ kif kien Mompalao li għamel rapport kontra l-akkużat u Borg, fejn akkuża lil Attard li kien qed jagħmilha ta’ investigatur privat mhux illiċenzjat u li ffastidjah.
L-investigazzjonijiet żvelaw kif Attard kien tqabbad minn Borg biex isegwi lill-eks mara fejn Attard kien innota li kienet qed tqatta’ ħin sostanzjali fir-residenza ta’ Mompalao fejn kellu evidenza x’juri.
Instema’ kif ir-rapport li ħejja l-imputat ġie mogħti lill-klijent tiegħu u skont l-istess klijent, l-imputat kien qiegħed isegwi wkoll il-movimenti tal-Avukat.
Il-Maġistrat Joseph Mifsud ħareġ ukoll ordni ta’ protezzjoni fuq il-mara li ġiet segwita, kif ukoll l-Avukat tagħha u l-familja tiegħu.