Tliet Sirjani ngħataw il-piena minima permessa mil-liġi fid-dawl tat-taqlib fis-Sirja wara li wieġbu ħatja li użaw dokumenti foloz biex jitilqu minn Malta.
L-aħwa Mohammad ta’ 26 sena u Odai Hassan ta’ 27 sena u Maryam Alhesso ta’ 23 sena kienu akkużati li kellhom fil-pussess tagħhom passaport iffalsifikat u li għamlu użu minn dokumenti ffalsifikati. It-tliet Sirjani ġew arrestati fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta wara li ppruvaw jitilqu minn Malta lejn Memmingem, il-Ġermanja, bl-aħwa, li huma residenti l-Ġordan, kienu qed jużaw dokument ta’ identità falsifikat Grieg filwaqt li Alhesso kellu permess ta’ residenza falsifikat Belġjan.
Wara li kienu tressqu fit-2 ta’ Frar li għadda, sa ftit jiem wara xehdu x-xhieda kollha tal-prosekuzzjoni u l-qorti qabbdet espert biex janalizza d-dokumenti.
Il-Maġistrat qieset il-fedina penali nadifa tagħhom u s-sitwazzjoni politika fis-Sirja, u qalet li l-priġunerija effettiva tkun kastig xieraq f’każ bħal dan, iżda l-qorti trid tqis ukoll it-taqlib fis-Sirja, fejn anke ġie ordnat li kopja tas-sentenza tintbagħat lill-Kummissarju tal-Pulizija bħala l-Principle Immigration Officer biex jagħmel il-preparamenti neċessarji li ladarba s-sentenza ssir waħda definita u jiskontaw is-sentenza, dawn jiġu deportati mill-ewwel ’il barra mill-pajjiż.