Freya Angeolova Moutafova, tfajla ta’ erbgħa u għoxrin sena ngħatat sitt xhur ħabs sospiżi għal sentejn, wara li nstabet ħatja li rrifjutat li tilbes il-maskra fuq titjira, li telqet minn Malta lejn Katanja, b’konsegwenza li l-ajruplan kellu jirritorna lejn Malta.
F’seduta tal-Qorti li kienet ippreseduta mill-Maġistat Donatella Frendo Dimech, ġie spjegat li t-tfajla kellha argument ma’ membru tal-ekwipaġġ li insista li l-mara tilbes il-maskra skont il-miżuri tal-awtoritajiet tas-saħħa.
L-imputata baqgħet tirrifjuta li tilbes il-maskra minkejja li kienet imwissija li qed tpoġġi f’riskju, is-saħħa ta’ kull min kien abbord.
Dan wassal biex il-pilota jirritorna Malta u javża lill-pulizija dwar dan.
Hija kienet ġiet arrestata u ammetiet li ma obditx l-ordnijiet tal-membri tal-ekwipaġġ.
Il-Maġistat Frendo Dimech qalet li t-tfajla aġixxiet b’mod irresponsabbli u konsegwenza t’hekk poġġiet is-saħħa tagħha u ta’ kull min kien abbord din it-titjira f’riskju.
Il-Maġistrat Frendo Dimech sostniet li fid-dawl tal-pandemija li qegħdin ngħixu fiha dan hu aġir intollerabbli.