Tlettax-il immigrant mill-Bangladesh intbagħtu sitt xhur ħabs u wara se jintbagħtu lura lejn il-Greċja wara li jiskontaw is-sentenza. Dan wara li l-Ġimgħa nqabdu fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta b’dokumenti foloz.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Karl Roberts spjegat kif il-pulizija li kienu flimkien mal-uffiċjali mill-awtoritajiet tas-saħħa li hemm fl-ajruport indunaw li kellhom dokumenti foloz.
Huwa spjega li kellhom dokument falz tal-Pakistan u ġew minn titjira minn Ateni l-Greċja. Intqal kif huma xtraw dawn id-dokumenti għal madwar €500.
Il-Prosekuzzjoni qalet kif huma kienu sejrin lejn l-Italja jew il-Belgju minn Malta, filwaqt li kważi kollha kemm huma talbu għall-ażil fil-Greċja.
Il-Qorti mmexxija mill-Maġistrat Joe Mifsud faħħret l-awtoritajiet ta’ pajjiżna li għokrithom għajnhom għaliex qabdu rotta ta’ immigrazzjoni illegali minħabba l-moviment ħieles tal-Unjoni Ewropea.
Il-Maġistrat Joe Mifsud qal li ma jistax ikun hawn traffikanti tal-bnedmin bla ħniena li qed idaħħlu l-eluf, biex imbagħad dawn il-flus jinħaslu u jintużaw minn organizzazzjonijiet terroristiċi u dawk tad-drogi u għall-armi.
Qal kif huwa ried jagħti piena differenti minn dak li jingħata s-soltu, iżda dan ma setax isir minħabba li ħadd ma kellu dokumentazzjoni meħtiega u lbieraħ ma telqux lura mal-ewwel minħabba li l-ajruplan kien diġà telaq.
Qal kif minħabba din ir-raġuni, il-Qorti tat sentenza minima ta’ sitt xhur u sakemm ikunu l-ħabs, il-Prosekuzzjoni trid tirranġa sabiex ikollha d-dokumenti meħtiega u kif joħorġu mill-ħabs se jintbagħatu lura lejn il-Greċja.
Il-Maġistrat Joe Mifsud appella lill-pulizija Maltija sabiex titkellem mal-awtoritajiet Ewropej dwar din ir-rotta l-ġdida ta’ immigrazzjoni illegali, li l-pulizija rnexxielha tinterċetta.