Raġel ta’ ħamsa u tletin ngħata sentenza ta’ sitt xhur ħabs talli kien fil-pussess ta’ arma illegali.
Christoper Schembri tressaq il-Qorti fuq diversi akkużi relatati maċ-ċirkolazzjoni ta’ flus foloz u l-pussess mhux awtorizzat ta’ arma tan-nar.
Il-każ imur lura ħames snin, meta l-akkużat wassal ħabib tiegħu f’diversi ħwienet, fejn xtara diversi prodotti u servizzi bi flus foloz.
Żewġ lukandi, sittax-il ħanut u żewġ individwi kienu fil-mira ta’ dan il-qerq.
Filwaqt li kienu diversi x-xhieda li identifikaw lil Schembri bħala s-sewwieq, il-Qorti kkonkludiet li l-prosekuzzjoni naqset milli ġġib biżżejjed provi li l-akkużat fil-fatt aġixxa bħala kompliċi fiċ-ċirkolazzjoni tal-flus foloz.
Barra s-sentenza ta’ ħabs, il-Maġistrat Joseph Mifsud poġġih fuq Ordni ta’ Trattament għal tlett snin, l-arma tan-nar kienet ikkonfiskata u l-akkużat huwa pprojbit li jkun fil-pussess ta’ liċenzja ta’ arma tan-nar għat-tlett snin li ġejjin.