F’ċerimonja li saret fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, il-Floriana, sitt uffiċjali ġew ippreżentati biċ-ċertifikati tal-ħatra fil-grad ta’ Spettur tal-Pulizija.
Iċ-ċerimonja kienet ippreseduta mill-Ministru għall-Intern, Byron Camilleri u mill-Kummissarju tal-Pulizija, is-Sur Angelo Gafà.
Il-Ministru Byron Camilleri saħaq dwar il-bżonn li l-ispetturi l-ġodda jibqgħu umli u jaħdmu għall-ġid tas-soċjetà. Qal li l-ispetturi jridu mhux biss jinforzaw il-liġi, iżda jaraw li sseħħ ġustizzja u tenna li l-gvern se jibqa’ jagħti l-appoġġ morali u finanzjarju biex il-korp ikollu kemm l-għodda biex jaħdem u anke l-kumpens finanzjarju mistħoqq.
Hawnhekk fakkar kif sena ilu ġie ffirmat ftehim settorjali li bih l-pulizija, ingħataw aħjar kundizzjonijiet u drittijiet sostanzjali.
Il-Ministru Camilleri qal li l-maġġoranza tan-nies jagħrfu s-sagrifiċċji li jagħmlu l-pulizija u ħeġġiġhom biex bħala fizzjali, aktar milli jinforzaw il-liġi u jħarsuha, juru kompassjoni u jimxu b’ġustizzja.
Min-naħa tiegħu -Kummissarju qal li dawn l-Ispetturi l-ġodda jirrappreżentaw il-preżent u l-futur tal-Korp. Kariga ta’ tmexxija li teħtieġ aktar minn sempliċiment għarfien tal-liġi, iżda teħtieġ ukoll empatija, ġustizzja u impenn lejn il-valuri li jiddefinuna bħala protetturi tas-soċjetà.
Wara din il-ħatra, l-Ispetturi se jattendu kors ta’ sentejn fl-Università ta’ Malta.
Preżenti għal din iċ-ċerimonja kien hemm fost oħrajn, id-Deputati u Assistenti Kummissarji, id-Direttur Ġenerali tal-Korp tal-Pulizija u l-Kmandant tal-Akkademja tal-Forzi Dixxiplinati.