Il-Kabinett tal-Ministri, magħżul mill-Prim Ministru Robert Abela hu magħmul minn tmintax-il Ministru u erba’ Segretarji Parlamentari.
Il-Kabinett kif imħabbar l-Erbgħa, jinkludi fih sitt uċuħ ġodda ta’ deputati Parlamentari li fil-passat qatt ma servew la bħala Ministri u lanqas Segretarji Parlamentari.
Jonathan Attard, ingħata r-responsabbiltà ta’ Ministru għall-Ġustizzja, filwaqt li l-Kandidat elett Għawdxi Jo Etienne Abela ngħata r-responsabbiltà ta’ Ministru għall-Anzjanità Attiva.
Andy Ellul nħatar bħala s-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru filwaqt li Alison Zerafa Civelli ngħatat ir-responsabbiltà ta’ Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali fil-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali
Chris Bonnett ingħata responsabbiltà tas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej fil-Ministeru għall-Ekonomija, l-Fondi Ewropej u l-Artijiet, filwaqt li Keith Azzopardi Tanti ngħata l-inkarigu ta’ Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni fil-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni.
Fl-ewwel Kabinett bil-mandat ta’ Robert Abela kien hemm Segretarju Parlamentari wieħed li ġie elevat għal Ministru.
Dan huwa l-kandidat elett Stefan Zrinzo Azzopardi li ġie maħtur bħala Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar
L-iżgħar membru fil-kabinett huwa l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri li għandu propju erba’ u tletin sena filwaqt li l-iktar wieħed kbir fl-età huwa l-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo li għandu ħamsa u sittin sena.
Il-kandidati nisa li ġeww eletti, jiġifieri Miriam Dalli, Julia Farrugia Portelli u Alison Zerafa Civelli se jkunu kollha membri fil-kabinett. Fil-fatt, Miriam Dalli ngħatat ir-responsabbiltà bħala Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża, Julia Farrugia Portelli bħala Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur u Alison Zerafa Civelli bħala Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali
Bil-kariga ta’ Clint Camilleri bħala Ministru għal Għawdex, Anton Refalo bħala Ministru għal Agrikoltura, s-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali u Jo Etienne Abela bħala Ministru għall-Anzjanità Attiva, għat-tieni darba kemm ilu jiggverna l-Partit Laburista, Għawdex se jkollu d-deputati kollha f’livell ta’ Ministru fil-kabinett tal-Gvern.