Il-Kunsill Lokali tal-Qrendi bbenefika minn tmenin elf ewro f’fondi tal-LESA biex sitt sqaqien tipiċi rurali, jingħataw pavimentar ġdid.
Il-Ministru għall-Intern, Byron Camilleri żar uħud mis-sqaqien li ngħataw wiċċ ġdid fil-qalba tar-raħal, u f’laqgħa mas-Sindku David Schembri ngħata tagħrif dwar l-użu tal-iskema għal proġetti oħra ppjanati mill-kunsill lokali tal-Qrendi.
“Fil-Qrendi sar proġett flimkien mal-kunsill lokali tal-Qrendi li verament sebbaħ il-lokalità tal-Qrendi b’diversi sqaqien tradizzjonali li ngħataw wiċċ ġdid, dehra mill-isbaħ, li tkompli ssebbaħ u toħroġ il-karatteristiċi sbieħ ta’ din il-lokalità. Kommessi li bħalma għamilna mal-kunsill lokali tal-Qrendi, nibqgħu ninvestu f’diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex biex verament insebbħu l-lokalitajiet tagħna.”
Il-fondi fl-iskema “Proġetti fil-Komunità” huma amministrati mill-aġenzija LESA, li tkopri tmenin fil-mija tal-ispiża tal-proġett li jitressaq mill-kunsill lokali rispettiv.
Dan il-fond huwa ffinanzjat mit-taħrikiet li qed ikunu investiti lura fil-komunità.
Fl-aħħar tliet snin, l-aġenzija LESA ffinanzjat sittin proġett li tressqu mill-kunsilli lokali f’Malta u f’Għawdex, u li ammontaw għal aktar minn tliet miljun ewro.