Jason Galea li jinsab akkużat bil-qtil ta’ Mario Camilleri l-Imnieħru u ibnu, kien ikkundanat għal sitt snin u nofs ħabs wara li nstab ħati b’kompliċita fl-attentat ta’ hold-up li kien sar f’ħanut tal-ġojjellerija.
Il-Kaz imur lura għal Settembru tal-2010 meta Galea flimkien ma’ Mark Calleja u Michael Zahra pruvaw jisirqu ħanut tal-ġojjellerija fil-Belt Valletta.
Calleja li kixef lil Jason Galea u li kien ukoll involut fl-attentat serqa, kif ukoll Michael Zahra ammettew l-akkużi fil-konfront tagħhom. Waqt l-attentat serqa s-sid il-ħanut Franceso Zampa li dak iż-żmien kellu 79 sena kien aggredit b’pistola u kien sofra xi feriti.
Fil-qorti Jason Galea qal li fil-ħin tas-serqa huwa kien qed jarma l-ħanut ta’ bintu u miegħu kien hemm ħuħ u f’xi ħin martu. Fix-xhieda tiegħu ħu Jason Galea qal li ma setgħax jiftakar jekk kienx dakinhar tas-serqa li kien mar il-ħanut ma’ ħuħ.
Filwaqt li mart Galea qalet li kienet għadha rieqda. Għaldaqstant il-qorti sabet lil Galea ħati ta’ ħames akkuzi fosthom b’kompliċita fl-attentat ta’serq u s-sekwestru tal-anzjan, kif ukoll riċediv.