Susan Bugeja ta’ 45 sena u li toqgħod Għajnsielem, ġiet ikkundannata sitt snin u nofs ħabs u mmultata €5,000 wara li nstabet ħatja li f’Lulju ta’ sitt snin ilu kienet tbigħ id-droga minn ħanut tax-xorb f’Għajnsielem.
Fid-deċiżjoni tiegħu, il-Maġistrat Joe Mifsud qal li l-Qorti hija konvint li Bugeja kienet tabilħaqq tbigħ id-droga kokajina mill-ħanut tax-xorb li hu wkoll qrib skola tal-Ingliż.
Hija nqabdet tbigħ id-droga lil bosta persuni fil-fatt mill-bar tagħha f’Għajnsielem.
Il-Qorti nnotat li d-droga kienet qiegħda fi qratas żgħar. Qalet li dan jikkonferma biċ-ċar kemm id-dorga ma kinitx għall-użu personali tagħha iżda lesta biex tiġi ttraffikata. Innotat wkoll li Bugeja baqgħet ma qalitx lill-Pulizija min kien il-persuna li kien qiegħed ibigħilha d-droga biex hija tkun tista’ tbigħha mill-ħanut tagħha.
Il-Maġistrat Mifsud qal li għalkemm il-Qorti tista’ tifhem li l-mara kienet għaddejja minn żmien diffiċli minħabba saram fil-familja u realtajiet li kellha tħabbat wiċċha magħhom ħabta u sabta, dan fl-ebda ħin u bl-ebda mod m’għandu jwassal biex titnaqqas ir-responsabbiltà kriminali u jiġġustfika dak li għamelt.
Qal li jibqa’ l-fatt li Bugeja kienet qed tbiegħ sustanza lil żgħażagħ u nies oħra u kienet qed tikkontribwixxi biex dwn jaqbdu u jkomplu l-vizzju li seta’ jkissrilhom u jeqridilhom ħajjithom.