Olandiż ta’ 42 sena li jgħix Malta, ammetta li ffroda lill-kumpanija tal-gaming li kien jaħdem magħha meta ħa commissions li kien ħoloq b’mod frodulenti.
Christiaan Alexander Van Dalen weħel sitt snin ħabs u multa ta’ €15,000.
L-akkużat kien juża dettalji tal-klijenti biex joħloq kontijiet fittizji u b’dan il-mod kien ikun jista’ jieħu l-commissions u jitrasferihom f’kontijiet bankarji lokali ta’ martu.
Il-frodi li rnexxielu jagħmel ilaħqu iżjed minn €150,000.
Minbarra s-sentenza ta’ ħabs u multa, il-Qorti ordnat l-ikkonfiskar tal-flus u proprjetà tal-Olandiż, u ssuġġeriet li l-karozza tat-tip BMW tiegħu tkun ikkonfiskata u tingħata lill-Pulizija biex tkun tista’ tintuża mid-dipartiment li jistħarreġ dwar il-ħasil ta’ flus.