Il-Gvern nieda sitt skemi ta’ boroz ta’ studju b’investiment ta’ madwar tliet miljun ewro.
Dawn is-sitt skemi huma dawk tal-istudji veterinarji, l-iskema ta’ studju Endeavour 2, studju TESS, studju tal-arti, studju dwar l-isport, u Live the Language.
L-uffiċjal tal-Ministeru għall-Edukazzjoni responsabbli mill-boroż ta’ studju, Sylvana Caruana, qalet li din l-iskema din is-sena qed toffri opportunatijiet partikolari għall-artisti u l-atleti.
Qalet, “Dawn huma miftuħin għal kulħadd, kull min irid jistudja fil-livell akkademiku, kif ukoll f’livell speċjalizzat ta’ prestazzjoni, dawk li ngħidu aħna l-arti għall-artisti, kif ukoll għal atleti.”
Il-Ministru responsabbli mill-Edukazzjoni, Clifton Grima, qal li l-Gvern jemmen li l-investiment qawwi fi wliedna jiggarantixxi suċċess għalihom.
Qal, “Dan ikompli jikkonferma l-commitment ta’ dan il-Gvern, illi nagħtu l-għodda lill-istudenti tagħna biex jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom u allura li tara, minn sena għal oħra, dejjem ikun hemm dejjem aktar investiment, fejn proprju din is-sena kien hemm żieda ta’ €700,000 fuq is-sena li għaddiet, jikkonferma kemm nemmnu li s-sistema edukattiva tagħna, is-settur edukattiv, għandu jagħtu l-opportunitajiet kollha għall-istudenti sabiex dawn ikunu jistgħu jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom u allura jsibu x-xogħol tagħhom – xogħol li jkun ta’ dinjita u fuq kollox ikun ta’ kwalità.”
Wieħed jista’ jikseb iżjed informazzjoni u japplika fuq is-sit myscholarship.gov.mt.