Is-Segretarju Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, Anthony Agius Decelis, ħabbar illi għall-ewwel darba, il-Gvern ser ikun qiegħed joffri opportunità li se twassal biex sitt ħaddiema fis-settur pubbliku jagħmlu Masters in Ageing and Dementia Studies.
Waqt konferenza għall-istampa, is-Segretarju Parlamentari Agius Decelis, stqarr li dawn l-isponsorships huma essenzjali sabiex inkomplu nżiedu l-għarfien tal-ħaddiema u nkomplu nippreparaw għall-isfidi li se tkompli ġġib magħha d-dimensja f’pajjiżna. Għaldaqstant permezz ta’ dan il-kors, aktar persuni jistgħu jkunu infurmati fuq id-diversi aspetti tad-dimensja.
Din hija waħda mid-diversi inizjattivi li qiegħed jintroduċi dan is-Segretarjat bħala parti minn strateġija aktar ħolistika tal-Gvern għal qasam tad-dimensja.
Ir-Rettur tal-Università ta’ Malta, Prof Alfred J. Vella, sostna li permezz ta’ din il-kollaborazzjoni bejn is-Segretarju Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva u l-Università ta’ Malta hija risposta li l-Università qiegħda tagħti lis-soċjetà Maltija għall-bżonnijiet u d-domandi li qegħdin jinħolqu.
Il-Prof. Marvin Formosa, Kap tad-Dipartiment tal-Ġerontoloġija u Studju tad-Dimensja, spjega li l-kors ta’ Masters in Ageing and Dementia Studies huwa wieħed mill-ftit madwar id-dinja, li jħares lejn l-aspett bijoloġiku u dak psiko-soċjali.
L-applikazzjonijiet għal Masters in Ageing and Dementia Studies ser jinfetħu f’Ottubru 2019. Il-kors se jibda fi Frar tal-2020. Aktar informazzjoni jista’ jinkiseb minn fuq is-sit www.um.edu.mt.
Preżenti għal din il-konferenza kien hemm ukoll id-Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà, Prof. Andrew Azzopardi.