Aktar minn €600,000 ġew investiti f’sitt proġetti innovattivi u tlett inizjattivi oħra mmirati biex jgħinu lil żgħażagħ vulnerabbli. Żgħażagħ li ta’ kuljum jaffaċċjaw numru ta’ diffikultajiet fosthom l-esklużjoni soċjali u dawk fir-riskju ta’ faqar.
Dawn il-fondi ġew investiti mill-President’s Trust fejn imorru lil’hinn mill-€4.5 miljun li ġew investiti fil-Fondazzjoni, The Emanuele Cancer Research Foundation – l-ewwel entità li qed twettaq riċerka dwar il-kanċer f’Malta b’kollaborazzjoni mal-Università ta’ MAlta u Fondazione Terzo Pilastro, Internazionale.
Id-Direttur tal-President’s Trust, Sarah Borda Bondin, qalet li bħalissa għaddejjin disa’ proġetti u li kull inizjattiva kienet possibbli permezz tal-appoġġ li ngħata mis-settur privat, fejn kif ukoll saret riċerka sabiex jiġi żgurat li dawn l-inizjattivi se jkunu qed jagħmlu differenza.
Il-President Marie-Louise Coleiro Preca rringrazzjat lil dawk preżenti u lil dawk li ħadmu qrib tal-President’s Trust fejn permezz tagħhom dawn il-proġetti setgħu jsiru.
Fost il-proġetti insibu dak li seħħ b’kollaborazzjoni ma’ Blossom Foundation, fejn ġew ipprovduti pariri lil 220 tifel u tifla li jattendu l-iskola primarja ta’ San Pawl il-Baħar. Proġett ieħor li sar b’kollaborazzjoni ma’ St Jean Antide Foundation hu Y-Assist li hu ffokat biex tiġi pprovduta akkomodazzjoni b’appoġġ iżda fl-istess waqt indipendenti lil tfajliet, nisa u ommijiet ta’ bejn l-età ta’ 18 u 24 sena. Dan sabiex ittihom l-appoġġ kollu biex jerġgħu jiksbu ħajjithom lura mill-ġdid.
Apparti dawn ma jonqosx il-proġett Spark, proġett li sar b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa u Aġenzija Żgħażagħ, il-bini ta’ skate park għaż-żgħażagħ fiż-żona li ma kellhomx fejn jipprattikaw dan l-isport.
Il-proġetti l-oħra jinkludu wkoll inizjattivi ta’ impjieg li jgħinu lil dawk li jinsabu fi żvantaġġ fejn ħadu sehem madwar 51 parteċipant din is-sena, Adopt A Family li jgħin lil dawk il-persuni f’riskju ta’ faqar, u programm li joffri scholarships lil studenti ġejjin minn ambjent bi problemi soċjo-ekonomiċi, il-Programm Tbissima li jgħin lil tfal li jisnabu fiċ-ċentru ta’ komunità fil-Marsa u kif ukoll in-National Readathon li tipprovdi l-għodod għal tfal b’nuqqas ta’ vista.