L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, permezz tal-proġett Bellus investiet nofs miljun ewro f’sitt proġetti li se jaraw restawr ambjentali f’żoni rurali u urbani f’numru ta’ lokalitajiet madwar pajjiżna.
Il-Kap Eżekuttiv tal-ERA Kevin Mercieca spjega li dawn il-proġetti kollha se jqarrbu n-natura lejn l-ibliet u l-irħula.
Qal, “Il-proġett Bellus huwa proġett li jiffoka fuq żoni urbana u appuntu kif nistgħu ndaħħlu lura n-natura ġewwa ż-żona urbana. Dan il-proġett kien opportunità tajba biex l-ERA tkun tista’ finanzjarjament varji entitajiet.”
Fost id-diversi organizzazzjonijiet li gawdew minn dan il-fond hemm il-Fondazzjoni Don Bosco.
Qal, “Il-pjan tagħna huwa li ninstallaw green roof fuq waħda mill-binjiet prinċipali li hemm l-MCAST. L-għanijiet huma diversi, ambjentali, edukattivi kif ukoll riċerka.”
Proġett ieħor kien tal-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija.
Qal, “Il-proġett tagħna se jsir ġewwa Ħ’Attard u Ħaż-Żebbuġ biċċa art li ħa nirrijabilitaw biex nużawha għat-tfal u ż-żgħażagħ biex nedukawhom dwar l-ambjent, is-sostenibilità u n-natura.”
Il-Kunsill Lokali Żejtuni wkoll gawda minn dan il-fond.
Qalet, “Permezz ta’ dawn il-fondi bħala Kunsill Lokali taż-Żejtun se nkunu qegħdin nagħmlu jogging track fiż-Żona ta’ Ġebel San Martin.”
Il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia stqarr li dan il-fond fetaħ il-bibien tiegħu għal entitajiet pubbliċi biex flimkien mal-Gvern ikunu jistgħu jinvestu fis-soċjetà permezz ta’ proġetti innovattivi.
Qal, “Inħares ‘il quddiem biex dawn il-proġetti jkomplu jikkumplimentaw dak li bdejna sentejn u nofs ilu jiġifieri proġetti bħalma huma green walls, green roofs, green facades, proġetti ta’ urban greening illi jieħdu l-ambjent fil-qalba tal-lokalitajiet, fiż-żoni ta’ fejn in-nies jgħixu u ta’ fejn jaħdmu.”
Gawdew ukoll minn dawn il-fondi, il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba u Konservazzjonisti, is-St John Rescue Corps u l-Kulleġġ Santu Wistin.