Mill-Ħamis 10 t’Ottubru sal-Erbgħa 23 t’Ottubru f’Albufiera, l-Portugal se jsir il-Kampjonat Ewropew tas-Snooker għal kategoriji differenti. L-ewwel parti, li tibda għada, ser tkun dik tal-Masters Individwali b’dik tat-timijiet tibda l-Ħadd li ġej.
Għal din il-fażi, il-Portugal diga’ hemm sitt players Maltin li huma Ivan Attard, Alex Borg, Philip Ciantar, Arthur Cachia, Frans Mintoff u David Zammit. Għada erba’ minnhom jibdew l-impenji tagħhom filwaqt li t-tnejn l-oħra jibdew il-Gimgħa. Minnhom Alex Borg, għada, fl-ewwel ġurnata jilgħab żewġ logħbiet.
Għal din il-kategorija tal-Masters Individwali hemm irreġistrati 78 players minn 19 -il pajjiż filwaqt li player wieħed, li huwa Ronnie Allen ta’ 81 sena minn Wales, ser jilgħab f’isem il-World Disabled Snooker & Billiards li matul dan il-kampjonat ser ikollhom kompetizzjoni ta’ riservata għal din il-kategorija.
Kompetizzjonijiet oħra waqt dan il-Kampjonat Ewropew ser ikunu 6 Reds u Shoot Out iżda l-qofol tat-tieni fażi tkun il-Kampjonat tal-Irġiel tat-timijiet fejn flimkien ma’ Alex Borg u Philip Ciantar aktar tard, mal-kontigent Malti imexxi mill-President tal-Malta Billiards & Snooker Association, Ivan Brincat, jingħaqdu ċ-Champion Lokali, Aaron Busuttil, Chris Peplow, Joseph Casha u Isaac Borg. Din il-fażi tibda l-Ħadd 20 t’Ottubru sal-ġurnata li jintemm dan il-Kampjonat, l-Erbgħa 23 t’Ottubru.
Fixtures tal-ewwel ġurnata tal-Kampjonat li fihom ser ikunu fl-azzjoni players Maltin huma dawn:
1 p.m. | Alex Borg | vs | Bernhard Wallner (Awstrija) |
4 p.m. | Philip Ciantar | vs | Francisco Rodriguez (Spanja) |
4 p.m. | Arthur Cachia | vs | Jérôme Chatet (Franza) |
7 p.m. | David Zammit | vs | Craig Steadman (Ingilterra) |
7 p.m. | Alex Borg | vs | Balázs Csurgó (Ungerija) |