F’ċerimonja speċjali fil-Knisja tal-Ġiżwiti fil-Belt Valletta, sitt persuni li taw kontribut kbir lejn is-soċjetà Maltija, ingħataw lawri onorarji mill-Università ta’ Malta.
Fosthom il-Monsinjur Victor Grech, Patri Dijonisju Mintoff u l-Kardinal Mario Grech.
Waqt iċ-ċerimonja, il-Professur Ray Mangion qal li dawn il-persuni huma xempju tal-altruwiżmu, li b’għemilhom urew kif wieħed jista’ jkun ta’ eżempju fis-soċjetà.
Żied jgħid li l-Missjoni tiżboq il-Professjoni, hekk kif din tal-ewwel ma tikkwantifikax.
ONE News tkellem mal-Kardinal Mario Grech, li stqarr kif l-Università minn dejjem kienet fuq quddiem biex tħeġġeġ lin-nies jikbru fil-ħsieb.
Qal, “Inħossni kuntent imma fl-istess ħin għandi sens t’umiltà kbira għax kienet sorpriża meta sibt ruħi fil-lista ta’ dawn il-kandidati. Inħoss li dan ir-rikonoxximent tal-lejla, l-Università rrikonoxxiet ukoll il-kontribut tal-Knisja f’pajiżna.”
Patri Dijonisju Mintoff qal li dan il-premju tah opportunità jħares lejn l-imgħoddi bi gratitudni fejn iltaqa’ ma bosta uċuħ familjari.
Spjega, “Ħafna, għallimt ħafna u għamilt żmien twil hemm, ħafna minnhom nafhom kienu studenti u baqgħu jafuni, għandi ħafna memorji sbieħ tal-Università.”
Dun Victor Grech semma diversi memorji sbieħ mill-esperjenzi tiegħu fl-Università.
Qal, “Naturalment inħossni grat ħafna lejn l-Università li ftakret fija. Jien għamilt tmien snin bħala student u għamilt ħafna snin bħala lettur fil-Fakultà tat-Teoloġija u bħala membru anke tal-Kunsill tal-Università.”