Fl-aħħar sigħat, 6 persuni oħra fiequ mill-coronavirus f’pajjiżna, u 6 persuni oħra rriżultaw pożittivi.
It-total ta’ nies imfejqa tela’ għal 433, filwaqt li dawk pożittivi mindu feġġ l-ewwel każ f’pajjiżna huma 496. Il-każijiet attivi bħalissa huma 58.
Mis-sitt persuni li fiequ, persuna waħda għandha bejn 20-29 sena, oħra għandha bejn 40-49 sena, oħra bejn 50-59 sena, persuna li għandha bejn 60-69 sena, u żewġ persuni ta’ bejn 70-79 sena.
Is-sitt każijiet ġodda rriżultaw minn fost 1,120 test.
L-ewwel każ minn dawn huwa ta’ Maltija ta’ 48 sena li kellha sintomi ta’ nuqqas ta’ xamm fit-tmienja ta’ Mejju. Hija kienet fi kwarantina wara li aktar kmieni din il-ġimgħa, irriżultat pożittiva ommha.
It-tieni każ huwa Malti ta’ 51 sena li fid-9 ta’ Mejju kellu għejja u uġigħ ta’ ras. Qed isir l-eżerċizzju ta’ contact tracing mal-familja tiegħu u fuq il-post tax-xogħol.
It-tielet każ huwa Malti ta’ 89 sena li huwa pazjent fl-Isptar Karin Grech. Il-qagħda medika tiegħu hija stabbli. Dan l-anzjan kien fl-istess kamra mar-raġel li tilef ħajtu l-ġimgħa l-oħra wara li kien infettat bil-COVID-19 fl-istess sptar. Dan l-anzjan, li rriżulta pożittiv fl-aħħar sigħat wara li s-Sibt kellu sintomi ta’ deni u sogħla, kien sarlu test meta miet l-anzjan il-ġimgħa l-oħra u kien ġie negattiv. Wara li rriżulta pożittiv il-Ħadd, saru ħmistax-il test fuq il-pazjenti tas-sala, u ħamsa u erbgħin test fuq il-ħaddiema, li kollha ħarġu negattivi.
It-tliet każijiet l-oħra huma marbuta ma’ xulxin. Irriżultaw pożittivi żewġ professjonisti tas-saħħa fl-Isptar Mater Dei li kellhom kuntatt fis-sebgħa ta’ Mejju: Maltija ta’ 27 sena u Maltija ta’ 25 sena. Wara li rriżultaw pożittivi dawn iż-żewġ ħaddiema, saru 14-il test fuq ħaddiema oħra u 8 testijiet fuq pazjenti fis-sala u hawnhekk irriżulta pożittiv pazjent Malti ta’ 53 sena.
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci spjegat għaliex f’ċertu każijiet, bniedem jirriżulta negattiv għat-test, u jiem wara jirriżulta pożittiv.
Il-Professur Gauci saħqet, “Dan it-test dejjem tagħmlu ripetut meta jkollok persuni f’din is-sitwazzjoni għaliex inti hemmhekk taqbad il-mikrobu skont l-ammont ta’ partiċelli tal-virus li jkun hemm fil-gerżuma.”
Il-Professur Gauci qalet li s-sitwazzjoni f’pajjiżna hija stabbli, u appellat biex il-pubbliku jibqa’ jsegwi l-istruzzjonijiet tal-awtoritajiet tas-saħħa.
“Bħala numru ta’ każijiet kellna sitta, imma kellna sitta oħra li fiequ allura bqajna wkoll f’sitwazzjoni li hija stabbli, u dejjem infakkrukom anki llum f’Jum l-Omm, importanti li aħna dejjem għandna nżommu s-social distancing u nevitaw li nitħalltu ma’ nies oħrajn li ssoltu ma jkollniex daqshekk kuntatt magħhom.” Temmet tgħid is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika.