Familja ta’ ħames turisti Spanjoli, inkluż tliet itfal inqatlu hekk kif il-ħelikopter li kienu fuqu iġġarraf fil-belt ta’ New York. Il-pilota wkoll miet f’dan l-inċident fejn il-ħelikopter baqa nieżel fix-xmara Hudson ilbieraħ filgħaxija.
Il-pulizija kkonfermat li l-mejta kienu kollha ġew rikoverati mill-ħelikopter li kien jinsab rasu l-isfel fix-xmara. Erba’ persuni kienu ddikjarati mejta fuq il-post filwaqt li tnejn oħra mietu aktar tard fl-isptar kawża tal-ġrieħi li ġarrbu.
Il-ħelikopter kien wieħed ta’ eskursjoni turistika u nies li raw l-inċident qalu li l-iskrun prinċipali tal-ħelikopter tar ’l fuq qabel ma ġġarraf fix-xmara.
L-Amministrazzjoni Federali tal-Avjazzjoni u l-Bord Nazzjonali tas-Sigurtà fit-Trasport fetħu investigazzjoni dwar dan l-inċident.