Fil-Qorti, sitt persuni wieġbu mhux ħatja għal qtil involontarju ta’ Carmelo Fino.
Is-sitt akkużati huma Rhys-Paul Xuereb ta’ 26 sena, Jose’ Thomas ta’ 45 sena, Thomas Zammit ta’ 50 sena, Jacqueline Cassar ta’ 50 sena, Ivan Dimech ta’ 47 sena u Emanuel Aquilina ta’ 58 sena.
Fil-Qorti ntqal li l-każ imur lura għal Ġunju ta’ sentejn ilu, meta kien għall-ħabta tas-sebgħa ta’ filgħodu, meta kien hemm bidla fix-shift meta Fino, li kien ibagħti mid-dimensia, ma nstabx. Ir-rapport fl-Għassa ta’ Raħal Ġdid daħal sigħat wara għall-ħabta ta’ nofsinhar neqsin kwart.
Intqal li minnufih bdiet investigazzjonijiet interna u kien hemm tfittxijiet madwar ir-residenza San Vinċenz de Paule.
Intqal li l-Pulizija wkoll fittxet f’kull ward tar-residenza u anki mal-madwar, iżda kien kollu ta’ xejn. It-tfittxija kompliet fl-inħawi ta’ Ħal Luqa u anki Raħal Ġdid.
Ġie spjegat li Carmelo Fino ħalla r-residenza għall-ħabta tat-tlieta neqsin kwart ta’ filgħodu, iżda huwa ma twaqqaf minn ħadd.
Il-katavru ta’ Fino nstab aktar minn ġimagħtejn wara, f’Birżebbuġa, fejn instab fi stat ta’ dekompożizzjoni. Intqal li ttieħdu samples tad-DNA ta’ ibnu u ttieħdu r-Renju Unit, fejn qablu ma’ tal-vittma.