Il-Ħamis waranofshinar għall-ħabta tat-tlieta neqsin kwart, seħħet ħabta bejn double decker misjuq minn raġel ta’ 45 sena mix-Xewkija u karroza misjuqa minn raġel Eġizzjan ta’ 35 sena, fi Triq ir-Rabat, iż-Żebbuġ, Għawdex.
Fid-double decker kien hemm ukoll erba’ passiġġieri, żewġ nisa u żewġt irġiel li għandom fuq is-sebgħin sena.
Fuq il-post marru l-Pulizija filwaqt li ssejjaħ tim mediku u membri tal-Protezzjoni Ċivili sabiex jassistu.
L-ambulanzi ħadu liż-żewġ xufiera kif ukoll l-erba’ passiġġieri tad-double decker, l-Isptar Ġenerali t’Għawdex għall-aktar kura.
Aktar tard, il-passiġġieri ġew iċċertifikati li sofrew ġrieħi ħfief, ix-xufier ta’ 45 sena ma sofra l-ebda ġrieħi filwaqt li x-xufier Eġizzjan ta’ 35 sena sofra ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.