Sitt persuni b’diżabbiltà temmew b’suċċess il-programm ‘Way to Work’ tal-Aġenżija Sapport.
Dan il-programm li minnu ġew mgħejuna mat-tmenin persuna mill-bidu tiegħu fl-2022, iħejji lill-persuni b’diżabilità għall-impjieġ billi jiffoka fuq ħiliet ta’ għajxien indipendenti u ħiliet oħra bżonnjużi fuq il-post tax-xogħol.
Dan it-taħriġ jingħata f’sessjonijiet fi gruppi u oħrajn individwali biex jiffoka fuq aspetti partikolari u jsaħħaħ ħiliet speċifiċi. Il-programm jiffoka l-iktar fuq taħriġ prattiku bħal ħiliet li wieħed għandu bżonn għal xogħol f’uffiċċju, ġewwa fabbrika, u fi stabbilimenti tal-ikel.
Fost dawk li temmew din l-edizzjoni tal-programm, kien hemm Abigail Azzopardi, li tħarrġet fl-ITS.
“Kienet esperjenza sabiħa u nixtieq nirringrazzjahom minn qiegħ qalbi u hekk kif spiċċjat dan il-kors sibt xogħol fejn innaddaf il-kmamar u ngħin fit-tisjir.”
Parteċipanta Abigail Azzopardi
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport, Oliver Scicluna qasam il-ħsieb għal dan il-programm fil-ġejjieni filwaqt li nnota kif uħud mill-parteċipanti diġà daħlu fid-dinja tax-xogħol.
“Għandna minnhom li diġà daħlu fid-dinja tax-xogħol u dik hija xi ħaġa importanti għalina. Issa qed naraw li nkomplu naħdmu biex inkomplu nindirizzaw il-persuni li jattendu ġewwwa d-‘Day Centres’ tal-Aġenzija Sapport biex jekk hemm minnhom li jistgħu jidħlu fid-dinja tax-xogħol naraw li nassistuhom biex jidħlu f’dik il-linja.”
Kap Eżekuttiv, Aġenzija Sapport
Il-Ministru għall-Inklużjoni Julia Farrugia nnotat l-impenn tal-Gvern li aktar persuni b’diżabbiltà jidħlu fid-dinja tax-xogħol.