Sitt membri tal-kumitat organizzattiv tal-attività Paqpaqli għall-Istrina, ġew ordnati jagħmlu xogħol fil-komunità.
Meta kompla jinstema’ l-każ il-Ħamis, sitta mill-organizzaturi tat-tim li ħa ħsieb dan l-avveniment, ammettew li b’mod involontarju, kienu wasslu biex sitta u għoxrin spettatur weġġgħu, meta l-Porsche li kienet qed tinstaq minn Paul Bailey, baqgħet dieħla fil-folla.
Bejniethom, ġew ordnati jagħmlu 1,275 siegħa ta’ xogħol fil-komunità.
Il-membri kollha tal-kumitat organizzattiv, flimkien max-xufier Paul Bailey, kienu ġew mixlija b’akkużi simili. Kollha kienu wieġbu mhux ħatja.
Tul is-snin, meta l-kumpilazzjoni tal-evidenza ġiet assenjata lill-Maġistrat Victor Axiaq, il-każ ħa xejra differenti meta Bailey biddel l-ammissjoni tiegħu u ammetta l-akkużi xahrejn ilu.
Hu kien ġie ordnat iwettaq 300 siegħa ta’ xogħol fil-komunità u nforma lill-Qorti li se jagħmel dan ma’ Puttinu Cares fir-Renju Unit.
Dakinhar, wieħed mill-organizzaturi wkoll ammetta l-akkużi u bħal Bailey ingħata sentenza ta’ xogħol fil-komunità.
Meta l-każ kompla llum, sitt membri oħra resqu ’l quddiem u ammettew l-akkużi.