Il-Ħamis, tlett irġiel u tliet nisa Maltin, li kienu waqt btala fi Sqallija, kienu involuti f’aċċident fejn il-vann, li kienu qed jivvjaġġaw fih, ħabat ma’ karozza head on.
Mill-ewwel informazzjoni jirriżulta li l-Maltin kollha kellhom bżonn kura l-isptar fejn li nstab li waħda min-nisa sofriet ksur f’ġenbha, waqt li passiġġieri oħrajn sofrew ġrieħi varji bejniethom, fosthom ksur fix-xedaq, fil-minkeb u fl-ispalla.
L-aċċident, li ġie rrapportat mill-midja fi Sqallija, seħħ fi triq prinċipali bl-isem Via Peppino Impastato bejn Pozzallo u Modica, fejn jirriżulta li l-vann ħabat head-on ma’ Volkswagen T-Roc, li fiha kien hemm sewwieq u żewġ passiġġieri.
Wieħed mill-passiġġieri fil-karozza kien f’qagħda gravi, waqt li tlieta mill-Maltin ittieħdu fi sptar f’Ragusa u l-bqija fi sptar f’Modica.
Qed jiġi rrapportat li l-Maltija, li kisret il-minkeb, tista’ tivvjaġġa lura Malta biss b’ambulanza tal-ajru u għaddejja komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet tas-saħħa Maltin u dawk fl-Italja f’dan ir-rigward.