Sitt Kunsilli Lokali urbani se jkunu qed jibbenefikaw minn skema ta’ madwar €715,000 ffinanzjata minn fondi Norveġiżi, bl-għan ewlieni li jkomplu jitjiebu żoni urbani u titjieb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti.
F’konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat li s-sitt kunsilli lokali li bbenefikaw minn din l-iskema huma Ħal Tarxien, il-Furjana, Ta’ Xbiex, l-Isla, il-Marsa u Raħal Ġdid.
Il-proġetti mwettqa jikkonsistu minn ċentri ta’ matul il-jum għall-anzjani, librerija, vettura elettrika ġdida, ġnien, inizjattivi favur l-indafa fil-lokalità u diversi korsijiet ta’ taħriġ u tagħlim.
Id-Direttur Ġenerali għad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali Emil Vassallo, saħaq fuq l-importanza li wieħed jirrifletti fuq il-proċessi li wasslu għall-implimentazzjoni ta’ dawn il-proġetti bl-għan li dawn il-proċessi jitjiebu u jkunu eqreb lejn l-eċċellenza.
Sadanittant is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli stqarret li din l-iskema kienet immirata speċifikament lejn kunsilli lokali meqjusa bħala urbani, fejn dawn il-kunsilli ngħataw l-opportunità biex jindirizzaw bżonnijiet u sfidi fil-lokalità.