Fl-aħħar sigħat, feġġew sitt każijiet oħra ta’ Coronavirus f’pajjiżna minn fost 1,035 test, biex it-total ta’ persuni infettati f’Malta tela’ għal 399.
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci spjegat li mis-sitt każijiet il-ġodda, tlieta huma immigranti miċ-Ċentru l-Miftuħ ta’ Ħal Far – żagħżugħ ta’ 18-il sena li kien ġie mill-Bangladesh, raġel ta’ 26 sena mill-Eritrea u żagħżugħ ta’ 19-il sena mis-Senegal.
Hija spjegat: “Qegħdin nibqgħu għaddejjin bil-ħidma tagħna kemm min-naħa tal-Ministeru tagħna, mill-Ministeru responsabbli wkoll, mir-reception centres u min-naħa tar-Red Cross fejn qegħdin naraw dawk in-nies jekk kellhomx sintomi imma anki qegħdin nagħmlu dawn ir-random tests u fosthom għamilna għoxrin oħra lbieraħ u minnhom ħarġu dawn it-3 li huma pożittivi.”
Ir-raba’ każ huwa student Malti ta’ 21 sena li beda bis-sintomi fit-12 ta’ April, u li kien kuntatt ta’ każ ieħor li rriżulta fil-pożittiv aktar kmieni din il-ġimgħa.
Irriżultat pożittiva Għawdxija ta’ 38 sena li tagħmel xogħol klerikali f’lukanda. Hija bdiet bis-sintomi fit-tlettax ta’ April u marret għax-xogħol sal-14 tax-xahar. Jidher li kellha biss kuntatt ma’ persuna waħda fl-istess uffiċċju, u l-post ġie diżinfettat.
Każ ieħor pożittiv huwa ta’ Malti ta’ 60 sena li jaħdem bħala segretarju f’entità tal-Gvern, li beda b’deni u uġigħ ta’ ras fit-13 ta’ April.
Il-Professur Charmaine Gauci spjegat li minkejja li n-numri kienu baxxi fl-aħħar jiem, dan ma jfissirx li wasal iż-żmien li jitneħħew jew jitnaqqsu xi miżuri.
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika sostniet: “Għalissa għadna telgħin fil-curve ’l fuq allura rridu nkunu żgur li aħna kwalunkwe miżura li nistgħu nieħdu tkun miżura magħmula f’waqtha, li tkun evalwata f’waqtha, li aħna ma jkollniex sitwazzjoni fejn nibdew naraw aktar firxa allura s-sitwazzjoni bħalissa hija ta’ containment, ta’ moniteraġġ, ta’ strateġija ta’ swabbing, ta’ identifikazzjoni tan-nies li għandhom is-sintomi ħalli hekk aħna nkunu nistgħu niżolawhom u npoġġu fi kwarantina lin-nies li kienu f’kuntatt magħhom.”
Il-Professur Gauci fakkret li b’kollaborazzjoni bejn il-Ministeru tas-Saħħa u l-Fondazzjoni Richmond twaqqaf il-helpline 1770 għal persuni li jkollhom bżonn appoġġ mentali.
Mindu tnieda dan is-servizz, 350 persuna ingħataw għajnuna meta ċemplu fuq dan in-numru.
Il-Professur Gauci spjegat li ċemplu nies li qatt ma kienu jbatu b’ansjetà imma li issa qed ibatu biex jadattaw għas-sitwazzjoni. Kien hemm ukoll nies li kellhom l-ansjetà kkontrollata imma reġgħu bis-sintomi ta’ ansjetà. Għaldaqstant appellat biex kull min iħoss li għandu bżonn l-għajnuna, ifittixha u jagħmel użu minn dan is-servizz li qed jingħata 24 siegħa kuljum.