Il-President ta’ Malta, George Vella, u ħames Kapijiet ta’ Stat ta’ pajjiżi fil-Mediterran, li huma membri tal-grupp Arraiolos, ħarġu dikjarazzjoni konġunta dwar l-isfida tat-tibdil fil-klima
Din id-dikjarazzjoni, li hija ffirmata mill-Presidenti ta’ Malta, tal-Kroazja, tal-Greċja, tal-Portugall, tas-Slovenja u tal-Italja, huma appellaw għal azzjoni urġenti u effettiva dwar it-tibdil fil-klima fir-reġjun.
Dan tħabbar fi stqarrija mill-Uffiċċju tal-President ta’ Malta, fejn intqal li ma fadalx ħin għall-kompromessi u huwa essenzjali li tittieħed azzjoni u jsiru azzjonijiet urġenti. Din id-dikrazzjoni saret wara li fl-aħħar jiem, ir-reġjun tal-Mediterran wassal għal sħana qawwija u wassal biex f’partijiet fil-Greċja u fl-Italja kien hemm nirien qawwija.
Is-sitt kapijiet tal-istat tal-Mediterran qalu li l-pajjiżi kollha tal-Mediterran għandhom jikkordinaw flimkien u jirreaġixxu, jibdew sforz kollettiv biex iwaqqfu u jreġġgħu lura l-effetti tal-kriżi tal-klima.
Intqal li jeħtieġ jiżdied l-għarfien, nedukaw u nispiraw lil kulħadd dwar l-etika tar-responsabbiltà ambjentali. Mhux għall-preżent biss, iżda wkoll għall-futur ta’ wliedna u tal-ġenerazzjonijiet ta’ wara.
Il-kapijiet ta’ stat tal-Mediterran, li huma parti mill-Grupp Arraiolos wegħdu li jappoġġjaw b’mod sħiħ inizjattivi ta’ azzjoni konġunta u appellaw lill-Unjoni Ewropea, lill-pajjiżi l-oħra tar-reġjun tal-Mediterran u lill-komunità internazzjonali biex tingħata prijorità lil din il-kwistjoni fl-aġenda politika tagħhom.
Il-Kapijiet ta’ Stat tal-pajjiżi fil-Mediterran li ġejjin u membri tal-Grupp Arraiolos iwiegħdu li jappoġġjaw bis-sħiħ inizjattivi ta’ azzjoni konġunta u jappellaw lill-Unjoni Ewropea, lill-pajjiżi l-oħra tal-Mediterran u lill-komunità internazzjonali biex jagħtu prijorità lil din il-kwistjoni fl-aġenda politika tagħhom.