Sitt kanzunetti ikoniċi Maltin għamluha fl-ewwel EU Songbook, li tiġbor 164 kompożizzjoni mill-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea li jiċċelebraw il-kulturi tas-27 pajjiż membri.
Il-kanzunetti Maltin, li ntagħżlu minn total ta’ 41 innominati, jinqasmu f’sitt kategoriji tematiċi għal din il-pubblikazzjoni internazzjonali – l-imħabba, in-natura u l-istaġuni, il-ħelsien u l-paċi, il-folkor u t-tradizzjonijiet, l-ispirtwalità u l-fidi, u kanzunetti għat-tfal.
Wara votazzjoni minn aktar minn elf u mitt persuna f’pajjiżna, l-EU Songbook inkluda l-kanzunetti Maltin ‘Xemx’ tat-Tramps, ‘L-Aħħar Bidwi f’Wied il-Għasel’ tan-New Cuorey, ‘Tema ’79’ minn Mary Spiteri, ‘Viva Malta’ ta’ Freddie Portelli, ‘Iddeċidejt’ minn Tiziana Grech u ‘Ninni La Tibkix Iżjed’ tal-Patri Ġiżwita Indri Schembri.