Tifla ta’ għaxar snin weġġgħet gravi wara li kienet involuta fil-ħabta bejn minibus u bowser tal-ilma fiż-Żejtun, l-Erbgħa kmieni waranofsinhar.
Dan filwaqt li tfajla ta’ sbatax-il sena, tliet ibniet u tliet subien, li età tagħhom tvarja bejn seba’ u tlettax-il sena ġew iċċertifikati li weġġgħu ħafif.
Dan kien ikkonfermat fi stqarrija tal-Pulizija rigward il-każ li seħħ fi Triq il-Marrubja kantuniera ma’ Triq il-Ħobbejża għall-ħabta tas-siegħa ta’ waranofinhar.
Jirriżulta li kienet seħħet ħabta bejn il-bowser tal-ilma, misjuq minn raġel ta’ għoxrin sena residenti San Pawl il-Baħar u l-minibus misjuq minn raġel ta’ disgħa u sittin sena residenti Ħaż-Żebbuġ.
Passiġġier fil-bowser kien hemm ukoll raġel ta’ 52 sena, li jgħix San Pawl il-Baħar ukoll.
Timijiet mediċi mal-ewwel assistew fuq il-post tal-inċident minn fejn il-vittmi ttieħdu lejn l-Isptar Mater Dei permezz ta’ ambulanza għal aktar kura medika.
L-investigazjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.