Sitt istituzzjonijiet u għaqdiet ewlenin li jaħdmu favur l-iżvilupp tal-Malti, irringrazzjaw lill-membri tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti tad-dedikazzjoni tagħhom u tal-ħidma professjonali li wettqu favur l-ilsien nazzjonali.
Fost oħrajn faħħru s-sottokumitat maħtur biex jistudja l-kitba tal-kliem Ingliż fil-Malti, biex il-lingwa tagħna jkollha sistema serja ta’ kif tikteb il-kliem li dieħel fil-Malti mill-Ingliż.
“L-għalliema, il-ġurnalisti, ix-xandara, il-kittieba, il-pubblikaturi, it-tradutturi, u l-poplu inġenerali issa jistgħu jserrħu rashom li fejn jidħol dan il-kliem issa għandhom quddiemhom deċiżjonijiet mibnijin fuq riċerka serja dwar il-fenomeni lingwistiċi f’Malta u l-esperjenza ta’ fenomeni simili barra minn Malta, u fuq konsultazzjoni pubblika wiesgħa u fil-miftuħ”.
Dawn is-sitt istituzzjonijiet talbu lill-Ministru għall-Edukazzjoni biex, kif titlob il-Liġi tal-Malti, il-Kunsill ikollu ċ-Ċentru Nazzjonali tal-Ilsien Malti, post diċenti “bħalma għandhom kunsilli nazzjonali oħrajn f’oqsma differenti f’pajjiżna”. Qalu li l-uffiċċju tal-Kunsill irid ikollu l-professjonisti impjegati miegħu biex ikun jista’ jifrex il-ħidma tiegħu.
Issa li għalaq it-terminu tal-Kunsill preżenti, ħeġġew lill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol biex jaħtar Kunsill ġdid, kif titlob il-Liġi, magħmul minn esperti tal-Ilsien Malti u minn rappreżentanti ta’ oqsma li qed jaħdmu direttament fl-iżvilupp professjonali tal-Malti.
Temmew jgħidu: “il-Kunsill wettaq il-ħidma tiegħu bi professjonalità u b’kolleġġjalità għax ħadem b’serjetà akkademika. Aħna nistennew li l-Ministru jara li din is-serjetà tinżamm meta jaħtar il-membri l-ġodda. Il-Kunsill il-ġdid irid ikollu maġġoranza ċara ta’ esperti tal-ilsien Malti u kapijiet tal-Kumitati Tekniċi nnominati mill-istituzzjonijiet li jissemmew fil-Liġi”.
L-istqarrija hija iffirmata mid-Dipartiment tal-Malti fl-Università ta’ Malta, id-Dipartiment tal-Malti tal-Junior College, l-Istitut tal-Lingwistika fl-Università, l-Għaqda tal-Malti – Università, l-Għaqda tal-Qarrejja tal-Provi u l-Akkademja tal-Malti