Fi pjazzetta, fuq turġien jew madwar baċir, post it-teatru huwa kullimkien. M’hemm l-ebda limitazzjoni li t-teatru ma jistax jaħdem madwaru. Ix-Short Play Festival huwa xhieda ta’ dan.
Baċir numru wieħed f’Bormla ser jospita sitt xogħolijiet drammatiċi nhar il-ġimgħa wieħed u tletin t’Awissu u ‘l għada s-Sibt f’dik li qed titqies bħala festa ta’ teatru. Dħul ser ikun b’xejn għal kulħadd u għalhekk hija opportunità mill-aqwa sabiex ġenituri jindukraw lit-tfal tagħhom billi jesponuhom għal tipi differenti ta’ teatru.
ONE News tkellem ma’ żewġ uċuħ familjari fix-xena lokali u stqarru magħna li inizzjattivi bħal dawn huma essenzjali sabiex it-talent Malti jkun jista’ jkompli jimħar kif jixraqlu.Qalu “Jiena fil-verità naħseb li importanti ħafna l-fatt li hawn Malta daqsxejn neqsin minn dawn l-opportunitajiet, b’hekk b’opportunitajiet bħal dawn, festivals bħal dawn inkunu anki nistgħu nsemmgħu leħinna aħna l-artisti li nħobbu dax-xogħol tista’ tgħid. – Hu importanti proġetti bħal dawn joffru opportunitá għalina u anki għal nies ġodda u anki nies li huma aktar stabbiliti minna biex flimkien nagħmlu proġett, naqsmu l-esperjenzi u anki noffru lin-nies f’dan il-kaċ huwa forma ta’ teatru tat-triq illi xi ħaġa ġdida u differenti għal min forsi qatt ma resaq lejn it-teatru.”
Dan il-festival ser jinqasam f’sitt biċċiet madwar il-baċir peress li drammi ser jitellgħu fl-istess ħin f’postijiet differenti. Minkejja dan, id-drammi ser isiru iktar minn darba sabiex l-udjenza tkun tista’ iddur il-festival bil-kumdità kollha.
Id-Direttur Artistiku ta’ dan il-proġett, Joseph Galea stqarr li allavolja kull grupp qieħed jaħdem fuq il-produzzjoni tiegħu, flimkien qed jaħdmu kollettivament sabiex jagħtu l-ħajja lill-baċir filwaqt li jesebixxu l-potenzjal ta’ Bormla bħala belt.
Spjega li “Festa ta’ teatru iġifieri biex flimkien nagħmlu ġid kemm nistgħu lit-teatru għalkemm l-attivitá hija għall-pubbliku biex jiġu n-nies u jieħdu gost jiddevertu għax it-teatru l-għan prinċipali tiegħu huwa li jiddeverti n-nies imma jista’ ikun li jkollna persuni hawnhekk illi qatt ma raw xogħol teatrali jew qatt ma marru jaraw play u hawnhekk ukoll jitħajjru jmorru xi xogħolijiet teatrali anki ta’ dawn il-kumpaniji stess.”