Bejn Jannar u Novembru ta’ din is-sena ġie rreġistrat li l-iżbilanc fil-Fond Konsolidat nieżel għal €60 miljun, tnaqqis sostanzjali meta s-sena li għaddiet kien ilaħħaq €161 miljun.
Fid-dawl ta’ din l-istatistika, l-analisti finanzjarji kienu sorpriżi bir-riżultati finanzjarji tajbin li nkisbu. Dan meta tqis ukoll li fl-istess perjodu fl-aħħar sena kollha tal-amministrazzjoni preċedenti l-iżbilanċ f’dan il-Fond kien ta’ €342 miljun, kważi sitt darbiet aktar mil-livell preċdenti.
It-titjib seħħ ukoll anke għad-dħul tal-Gvern hekk kif sa’ Novembru ta’ din is-sena kien ta’ €150 miljun aktar mill-istess perjodu ta’ sena ilu. Din iż-żieda kienet xprunata minn żieda fid-dħul mill-income tax, anke jekk ir-rata tat-taxxa tnaqqset għal erba’ darbiet wara xulxin. Barra minn hekk, kien hemm żieda fid-dħul mid-dwana, VAT u l-bolla.
Ta’ min jinnota li ż-żieda sostanzjali fid-dħul tal-Gvern seħħet minkejja li d-dħul minn grants u fondi Ewropej naqas bi kważi €76 miljun minħabba li ġew iffinaliżżati diversi proġetti kapitali li kienu tħallew jaqgħu lura mill-amministrazzjoni preċedenti. B’riżultat ta’ hekk l-ispiża kapitali s-sena li għaddiet laħqet livelli staordinarji.
Fl-ewwel ħdax -il xahar tal-2016, l-ispiża tal-Gvern żdiedet b’€50 miljun fuq is-sena li għaddiet, kontra żieda ta’ €196 miljun fl-istess perijodu fl-aħħar sena ta’ Gvern Nazzjonalista. Il-galbu fl-immanniġjar tal-finanzi pubbliċi qed iħalli effett fuq id-dejn nazzjonali. Fl-aħħar tnax-il xahar dan żdied b’€4 miljun fix-xahar. Fit-tliet xhur li Simon Busuttil kien Viċi-Kap tal-Partit fil-Gvern id-dejn nazzjonali kien żdied b’medja ta’ mitt miljun kull xahar.
Barra minn hekk ta’ min ifakkar it-tbassir mill-esperti tal-Fond Monetarju Internazzjonali fl-aħħar rapport tagħom li s-sena d-diehla pajjiżna ser ikollu għall-ewwel darba f’għoxrin sena piz ta’ dejn nazzjonali ta’ anqas minn 60% tal-ġid nazzjonali.